Select Page

Is-suġġett li għażel li jitkellem dwaru llum Peppi huwa sensittiv ħafna u wieħed li qed jaffettwa b’mod negattiv lil ħafna nies, ferm aktar milli nimmaġinaw.

Fil-bidu tal-filmat, Peppi semma kif biex jgħaġġel il-proċess tal-qorti, il-Gvern qed jgħid li ċerti affarijiet illegali żgħar, dawk li jissejħu petty crimes, mhux se jibqgħu jidhru quddiem il-maġistrat u l-imħallfin imma se jkun hemm tribunal u se jidhru quddiemu.

“U fost dawn l-affarijiet li qed isejħilhom żgħar, daħlu l-fortune tellers. Il-frodi ta’ dawk li taparsi jaqraw il-futur. Il-frodi ta’ dawk li taparsi iqabbduk mal-mejtin. Il-frodi ta’ dawk li jagħmlu l-magħmul, abjad jew iswed. Dawn petty crimes? Ara vera ma tafux x’inhu jiġri. Ara vera ma tafux il-ħsara li qed issir.” qal Peppi.

Huwa spjega kif hu flimkien mat-tim ta’ Xarabank ilhom jinvestigaw lill-fortune tellers. Semma’ kif meta bagħtu attur għand fortune teller u qalilha li jrid jagħmel ħsara lil xi ħadd, talbitu mijiet ta’ ewro u qaltlu li jekk iħallasha, tqabbad kanċer lil dak li jixtieq jagħmillu l-ħsara.

“Jiġifieri dawn in-nies li qed jitħallsu biex iqabbdu kanċer lil xi ħadd, dawn petty crimes?” staqsa Peppi.

Semma wkoll raġel li tkellem mat-tim ta’ Xarabank dan l-aħħar, li jmur għand fortune teller u l-kont telagħlu €5,200. Dan ir-raġel, li kien diġà ħallas 4,000 minnhom, ma kellux biex iħallas il-kumplament, u l-fortune teller qallu li jekk ma jagħtihomlux kien se jagħmel magħmul lilu.

Peppi rrakkonta kif biex jippruvaw jgħinu lil dan ir-raġel imwerwer u jikkonvinċuh li mhux vera, waħħlulu kamera miegħu u mar għand il-fortune teller b’ritratt ivvintat b’kompjuter ta’ raġel li ma jeżistix, li taparsi xtaq jagħmillu l-ħsara. Il-fortune teller irreaġixxa daqs li kieku kien jeżisti, u wara li qallu min hu, talbu €250 biex jitfa’ f’qiegħ ta’ sodda lil xi ħadd li ma jeżistix.

Filwaqt semma aktar każijiet ta’ persuni li jispiċċaw vittma ta’ dawn in-nies, fosthom mara li spiċċat mingħajr flus għaliex kienet qed tmur għand fortune teller li kkonvonċietha li tista’ tqabbadha mar-raġel tagħha li kien mejjet. Spjega kif il-fortune teller qabbdet lil xi ħadd jagħmilha taparsi tar-raġel tagħha u din il-mara spiċċat tħallas eluf minħabba li kienet tmur ta’ spiss mingħaliha li qed titkellem mar-raġel tagħha.

Peppi semma wkoll kif anki t-tfal jistgħu jkunu vittma ta’ dawn in-nies, li jistgħu wkoll iwasslu għal suwiċidju.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks