Tipikament, is-sintomi tal-ADHD jiżviluppaw fit-tfulija. Madankollu, ħafna adulti li l-ADHD tagħhom ma kinitx iddijanjostikata fit-tfulija jistgħu jibdew jindunaw bis-sintomi tagħhom huma u jikbru. Li tkun newroloġikament differenti u n-nuqqas ta’ għajnuna fl-isfidi li jaffaċċjaw jista’ jwassal biex adulti mhux dijanjostikati jkollhom trawma akbar.

Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa jużaw intervista klinika, l-istorja personali fil-fond u checklists dijanjostiċi speċjalizzati biex jiddijanjostikaw l-ADHD uffiċjalment.

Preżentazzjoni f’daqqa JEW preżentazzjoni iperattiva / impulsiva

Persuni b’dan it-tip ta’ ADHD huma bla kwiet u ma jistgħux joqogħdu bilqiegħda u jagħmlu ħaġa waħda għal żmien twil. Jiġu distratti faċilment u, minħabba li jsibuha diffiċli biex jagħtu attenzjoni, ħafna drabi jistgħu jiġu kkritikati bi traskuraġni jew li jagħmlu wisq żbalji l-iskola / ix- xogħol. Jidher li ma jisimgħux meta xi ħadd ikellimhom, isibuha diffiċli li jistennew meta
jmisshom u jistgħu jidhru li jfixklu.

Preżentazzjoni predominantement ta’ nuqqas ta’ attenzjoni

Persuni bit-tip predominantement b’nuqqas ta’ attenzjoni jistgħu jiġu deskritti bħala dawk li dejjem fis-sħab. Huma jistgħu jsibuha diffiċli biex jibdew u jtemmu l-kompiti minkejja li kapaċi jagħmluhom. Il-prokrastinazzjoni (jiġifieri li ddum biex tibda’ kompitu) u t-tlestija tal-kompitu, kif ukoll l-organizzazzjoni tiegħu jistgħu jkunu oqsma ta’ diffikultà kbira.

Persuna li għandha l-ADHD tista’ toqgħod attenta? – IVA!

Għalkemm in-nuqqas ta’ attenzjoni huwa aspett tal-ADHD, il-persuni bl-ADHD JISTGĦU jagħtu attenzjoni, il-parti diffiċli hija aktar ir-regolazzjoni tal-attenzjoni – li jagħtu attenzjoni għal dak li huma mistennija li jagħmlu f’ħin speċifiku. Jekk persuna bl-ADHD hija interessata f’xi ħaġa, tista’ tiffoka ħafna fuqha (hyperfocus).

L-ADHD u l-emozzjonijiet – daqstant sensittivi!

Għalkemm mhux imsemmija fid-DSM-5, ir-riċerka turi li l-emozzjonijiet għandhom parti kbira fl-ADHD. Persuni bl-ADHD jistgħu jkunu aktar sensittivi. Ir-regolazzjoni tal-emozzjonijiet, tista’ wkoll tkun diffiċli u tista’ tikkawża konfuzjoni f’ħajjithom. Jistgħu jkunu suxxettibbli li jesperjenzaw l-RSD (Disforija Sensittiva għar-Rifjut) aktar, u jistgħu jkunu aktar sensittivi għal rifjut reali jew perċepit. Barra minn hekk, l-emozzjonijiet jaffettwaw l-attenzjoni u l-impulsività. Emozzjonijiet qawwija jistgħu jwasslu biex il-persuna tagħmel għażliet impulsivi (li jistgħu jkunu ta’ ħsara).

l-Funzjonijiet Eżekuttiviti – ċerti ħiliet jiżviluppaw iktar tard!

Persuni bl-ADHD jistgħu jiżviluppaw xi ħiliet aktar tard minn oħrajn. Xi drabi, tfal bl-ADHD jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet li ġejjin ħafna iktar tard minn sħabhom (jiġifieri tifel ta’ 12-il sena jista’ jkollu l-livell ta’ tifel ta’ 8 snin fil-ħiliet imsemmija hawn taħt). Jekk dan ikun mifhum u magħruf il-persuni bl-ADHD jista’ jkollhom appoġġ aħjar.

Dawn il-ħiliet huma:

L-għarfien tiegħek innifsek.

  • L-inibizzjoni.
  • Il-memorja li taħdem biha (li tkun kapaċi żżomm l-affarijiet f’moħħok).
  • L-awtoregolazzjoni emottiva (li tikkontrolla l-emozzjonijiet tiegħek).
  • L-awtomotivazzjoni.
  • L-ippjanar u s-soluzzjoni tal-problemi.

Xi ħsibijiet komuni li jistgħu jgħaddu minn moħħ persuna bl-ADHD: Jien għażżien? Jien stupidu? Għaliex ma nistax niffoka? Għaliex nitlef it-tempra daqshekk faċilment? X’għandi hazin?

Id-dijanjosi:


Id-dijanjosi tista’ tkun diffiċli minħabba li:

  • M’hemm ebda test fiżiku għall-ADHD (bħal test tad-demm)
  • It-tfal kollha jista’ jkollhom xi problemi ta’ awto-kontroll
  • Problemi oħra jistgħu jirriżultaw f’imġieba simili għall-ADHD (eż. diffikultajiet fil-lingwa jew fis-smigħ, dislessija jew trawmi fil-ħajja).
  • L-ADHD tista’ teżisti flimkien ma’ kundizzjonijiet oħra li s-sintomi tagħhom jistgħu jkunu simili u għalhekk jaħbu dawk tal-ADHD, (eż. awtiżmu, disturbi tal-lingwa, dislessija, disprassija u disturbi ossessivi kompulsivi (OCD), sindromu ta’ Tourette’s, Oppositional Defiant Disorder (ODD) ).

F’Malta, psikologu jew psikjatra ġeneralment jiddijanjostika l-ADHD wara jkun irrefera lil xi ħadd tabib, l-iskola jew jkun ikkuntattjat mill-ġenituri / l-individwi nfushom.

Il-professjonist tal-kura tas-saħħa se jfittex sinjali ta’ tħassib: tifel li ma jmexxix tajjeb jew irid jagħmel ħafna iktar sforz fl-iskola, minkejja li għandu intellett medju jew ogħla mill-medja u m’għandux diżabilitajiet ta’ tagħlim speċifiċi.

Tfal li għandhom l-ADHD jkollhom problemi ta’ mġiba li huma konsiderevolment agħar minn dak mistenni minkejja ħiliet adegwati tal-ġenituri.

Huma jeskludu dak li jixbaħ lill-ADHD, bħal:

attività normali skont l-età; diżabilità intellettwali, nuqqas ta’ smigħ, awtiżmu, epilessija, dipressioni (għalkemm dawn jistgħu ikunu preżenti flimkien mal-ADHD).

Jużaw:

  • Kwestjonarji għall-ġenituri u l-għalliema jew awto-evalwazzjoni għall-adulti

  • Il-kriterji tad-DSM-V jew l-ICD-11

  • Testijiet li jkejlu t-tul u t-tip tal-proċessi mentali

  • Testijiet dwar l-attenzjoni u l-persistenza

Il-ġenituri (jew persuni sinifikanti oħra), l-iskejjel u l-professjonisti talkura tas-saħħa għandhom bżonn jaħdmu id f’id biex jagħtu stampa aktar sħiħa tal-individwu. Moħħ miftuħ u l-kunsiderazzjoni tal-fehmiet tal-partijiet kollha huma ta’ importanza kbira għal din il-valutazzjoni.

L-adulti u l-membri tal-familja għandhom jaħdmu mill-qrib malispeċjalisti tas-saħħa sabiex jippjanaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ trattament effettivi.

Il-klassifikazzjoni tal-ADHD

L-ADHD jista’ jiġi kklassifikat bħala ħafif, moderat u sever. Il-forom ħfief jistgħu jirrispondu għal interventi psiko soċjali waħedhom, madankollu t-trattament jeħtieġ li jiġi mmonitorjat u evalwat mill-ġdid jekk ikun meħtieġ (speċjalment jekk l-individwu mhux qed jilħaq l-għanijiet tal-ħajja jew ifalli fl-iskola, fix-xogħol eċċ).

Informazjoni mogħtija lilna mill-organizzazzjoni ADHD Malta.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks