L-ekonomija tikkonsisti mill-kumpaniji u l-ħaddiema li jipproduċu l-prodotti u s-servizzi, il-konsumaturi li jixtru dawn il-prodotti u s-servizzi, kif ukoll il-gvern li għandu sehem fl-ekonomija bil-mezzi ta’ kif jonfoq il-flus fl-ekonomija hekk ukoll fit-taxxi li jinġabru mill-attività ekonomika. Iżda meta ngħidu qed tikber jew tixxrinkja l-ekonomija xi tfisser?
Tajjeb li din il-mistoqsija nirrisponduha billi wieħed jara kif tiġi mkejla l-ekonomija. Bażikament hemm tlett mezzi ta’ kif inkejlu l-attività fl-ekonomija – billi naraw dak li jintefaq fl-ekonomija, dak li jiġi prodott kif ukoll id-dħul li jsir. Dawn it-tlett mezzi jagħtuna indikazzjoni tal-livell tal-attività kif ukoll tat-tkabbir jew tnaqqis minn żmien għal ieħor.
Il-mezz ta’ x’jintefaq fl-ekonomija jitkejjel minn dak li d-djar Maltin u Għawdxin jikkunsmaw. L-aktar li jsir infiq f’dan ir-rigward huwa fuq l-ikel u xorb, kontijiet tad-dar, ħruġ barra u trasport. L-investiment li jsir fil-pajjiż ukoll jiġi nkluż bħal infiq fuq makkinarju biex tiżdied il-produzzjoni, I-infiq fuq bini u strutturi. L-infiq tal-gvern fl-ekonomija wkoll jiġi nkluż iżda mezzi ta’ trasferiment bhal infiq tal-gvern fuq benefiċċji soċjali iffinanzjati mit-taxxa ma jiġux inklużi. Komponiment ieħor important f’dan il-kejl tal-ekonomija huwa d-dħul minn dak li nesportaw fosthom prodotti kif ukoll servizzi bħal dak relatat mat-turiżmu. Iżda minn dak li aħna ndaħħlu mill-esportazzjoni wieħed irid inaqqas dak li nonfqu biex nimportaw. Hawnhekk ta’ min jinnota li Malta hija waħda mill-aktar ekonomija miftuħa għaliex dak li nimportaw u nesportaw huwa ferm akbar mid-daqs tal-ekonomija.
B’dan il-mezz ta’ kif titkejjel l-ekonomija nistgħu ngħidu b’kemm l-ekonomija kibret jew le, waqt perjodu ta’ żmien. Pereżempju s-sena l-oħra, minħabba l-impatt tal-Covid, l-esportazzjoni waqfet sostanzjalment. Il-konsum u l-investiment ukoll niżlu mqabblin mas-sena 2019 u waqt li l-infiq tal-gvern żdied ikkumparat mas-sena ta’ qabel, l-attività fl-ekonomija naqset madwar 7%. Iżda meta tħares lejn l-attività fl-2020 u tqabbilha mas-sena 2016, l-ekonomija kibret madwar 11%. Dan ifisser li għal kull €100 li ġie ġġenerat fl-2016 issa qed niġġeneraw madwar €111. Bl-istess mod dak li konna qed nipproduċu s-sena l-oħra, naqqas.
Hekk kif inkomplu nisperaw li l-effet tal-Covid jibqa’ jiġi kkontrolat, l-ekonomija mistennija li terġa’ tibda tirkupra. Tant hu hekk li t-tbassir għat-tkabbir tal-ekonomija skont il-Kummisjoni Ewropea hu ta’ madwar 5% għal din is-sena u kważi 6% oħra għas-sena d-dieħla.

Ekonomista