Kif forsi ħafna minnkom drajtu issa, Staqsini u Skoprini hija r-rokna li qed tagħti ċans lilkom is-segwaċi tagħna li tistaqsu dak kollu li tridu lill-personalità favorita tagħkom! Wara, jintgħażlu l-aqwa 10 mistoqsijiet u jiġu mwieġba mill-personalità.
Tistgħu wkoll tgħidulna liema personalità tixtiequ li tkun parti minn din ir-rokna.
Stephanie Spiteri hija r-raba’ personalità ta’ Staqsini u Skoprini u dawn huma r-risposti tagħha għad-domandi tagħkom:
Meta bdiet il-karriera tiegħek? – Tania Bartolo
Insellimlek Tania. Jien bdejt il-karriera tiegħi meta kelli 15-il sena. Kienet veru b’kumbinazzjoni. Wieħed mill-ġirien tiegħi kellu programm fuq TVM u kellu bżonn lil xi ħadd biex jippreżenta programm reliġjuż. Dan ħaseb fija u ġie jħabbat il-bieb. Kif qalli x’kellu f’moħħu l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li ma kontx interessata, però missieri li kien jaħseb fil-bogħod qalli isma minni pprova u ara kif tmur. Minn hemm bdejt, u ma waqaftx ħlief meta kelli lil ibni għal ftit xhur.
Kif issib bilanċ bejn il-ħajja personali tiegħek bħala omm u mal-familja, u l-ħajja pubblika tiegħek? – Sylvia Sultana
Insellimlek Sylvia. Din hija l-million dollar question.. ma nafx ezatt kif.. nibqa’ naħdem sa nofsillejl, ġieli anke nsajjar għall-għada f’dak il-ħin biex insibu lest. Nagħmel ikla kbira biex ikolli għal jumejn. Fil-fatt meta nixtri nkun qisni qed insajjar għal familja kbira, imma l-friġġ u l-friżer dejjem mimlija b’porzjonijiet tal-ikel għal li jista’ jkun ma nlaħħaqx insajjar. Barra minn hekk insejt x’jiġifieri noħroġ u ngawdi, kelli nagħmel ħafna sagrifiċċji u qtajt minn ma’ ħafna ħbieb għax jew xogħol jew divertivement. Però nħossni fortunata għax ix-xogħol inħobbu allura qisu naħdem u pjaċir fl-istess ħin. It-tifel li daqt jagħlaq 19 ma jafni qatt ma naħdimx.. dejjem u kuljum u allura qisu adatta għall-fatt li l-ma qegħda fuq it-telefown jew qegħda taħdem fuq l-imejls. Però mbagħad niddedika ħin fejn nitfi u noqgħod nitkellem u nilgħab miegħu jekk ikun il-ħin. Issa li kiber nieħu gost niddiskuti wkoll problemi jew sitwazzjonijiet li nkun fihom għax naf li jagħtini perspettiva differenti.
Xi jżommok dejjem bit-tbissima, simpatika u eleganti? God bless you u nammirak ħafna. – Doris Seychell
Grazzi mill qalb Doris, xi ħlew.. nassigurak li dwejjaq ikolli, uġigħ ‘l hemm u ‘l hawn ukoll però ladarba jibda l-programm qisu b’mod maġiku dawn jisparixxu. Inħossni wisq responsabbli li nferraħ, qisu dak r-rwol integrali ma’ min jien u allura tiġi naturali. Ta’ madwari ħafna drabi ma jkunux iridu jemmnu li kif jispiċċa l-programm ngħidilhom ajma żaqqi u jibdew jidhru qishom li ma jemmnux. Meta sentejn ilu kelli inċident pjuttost gravi u kont f’ħafna u ħafna uġigħ b’xi mod u bl-għajnuna ta’ kulħadd irnexxieli nkompli. Kien żmien diffiċli, qabel jibda l-programm kont nieħu pain killers, kienu jerfgħuni minn siġġu għas-sufan għax ma stajtx nimxi però b’xi mod konna sibna l-umoriżmu fiha wkoll. Għaddiet u ftit kienu li ndunaw.
Liema hi dik il-persuna li l-iktar timmissja, u kieku jkollok l-opportunità li terġa’ tiltaqa’ magħha għal ftit minuti, x’tgħidilha? – Ritty Miffy
Insellimlek Ritty. Bla dubju, l-għażiża ommi. Ħallietna issa kważi sentjen ilu però ma tgħaddix siegħa li b’xi mod ma nkunx semmejtha u ħsibt fiha. Qegħda miegħi l-ħin kollu, inkellimha fil-karozza meta nkun waħdi, ngħidilha grazzi meta xi ħaġa tmur tajjeb, nistaqsiha għaliex xi affarijiet imorru żmerċ u biex niċċajta ngħidilha qisek trid tara sa fejn kapaċi nasal hux ma. Kieku kelli nerġa’ niltaqa’ magħha ngħidilha grazzi talli għallmitni dak kollu li naf illum, mhux minn aspett ta’ skola għax ommi ma kinitx xi persuna akkademika lanqas xejn, però tatni l-prinċipji li ngħix bihom u tatni ħafna mħabba li llum kapaċi ngħaddi lil ħaddieħor. Inħobbok ma.
Il-mistoqsijiet li tagħmel lill-mistiedna ta’ kuljum ikunu miftehmin minn qabel jew ta’ dak il-ħin? Grazzi – Joseph Zahra
Insellimlek Joseph. Jien naqra perfezzjonista, kull filgħodu nċempel kull mistieden u nagħmel madwar għoxrin minuta nparla ma’ kull mistieden.. niddiskutu s-suġġett ta’ dakinhar, x’jixtieq iwassal, x’jixtieq li jispjega.. u allura meta filgħaxija jkun quddiemi jien f’moħħi nkun naf x’nista’ u x’jixtieq li nistaqsi.. ġieli nikteb xi noti però rari nħares lejhom għax diġà nkun naf fejn nixtieq li mmur bil-konversazzjoni.
Kieku kellek tippreżenta programm ma’ personalità oħra, min tkun u għaliex? – Daniela Sciberras
Tajba din Daniela.. ġibtni f’sitwazzjoni diffiċli għax illum il-ġurnata għandi ħafna rispett lejn ħafna. Jiġi f’moħħi mill-ewwel Ian Vella (Janvil) għax ġieli ħdimt miegħu u persuna umli u faċli. Jogħġobni Xandru Grech għax narah juri ħafna empatija u meta ġieli ħdimna flimkien dejjem wera ħafna rispett. Semmejt lil dawn għax huma ġew f’moħħi però m’għandi problema naħdem ma’ ħadd sakemm ma jkunx kiesaħ jew kiesħa. Ikun min ikun li jaħdem miegħi irid ikun lest li jien ngħid ħafna!
L-ewwelnett prosit ta’ kemm int personalità ħelwa u professjonali ħafna f’xogħlok. X’inhuma l-aktar tliet affarijiet importanti f’ħajtek? – Maria Vella Termine
Insellimlek Maria. Taf li ftit naħseb fuqha din, għax qisu l-ħajja tant hi mgħaġla li nieħu ħafna affarijiet for granted. Żgur però li l-ewwel jiġi ibni, qisu l-fulkrum ta’ ħajti u kollox idur miegħu, ħalliha li qed jikber u ftit għandu bzonni issa. Il-familja, missieri u ħuti, jekk ma nkellimhomx kuljum għal darba tnejn, inħossni mitlufa. Is-saħħa għax mingħajrha ma nagħmlu xejn u wara li għaddejna mill-marda tal mummy tgħallimt ħafna. Ix-xogħol għax jagħtini l-ħajja .. iktar minn tlieta skużani però ma stajtx naghżel.
X’inhi l-aktar ħaġa li tagħmlek ferħana? – Abigail Spiteri
Li nara l-familja tiegħi miġbura d-dar flimkien jieklu xi ikla li nkun preparajtilhom jien. Li nagħmel ġurnata nnaddaf u nara d-dar tleqq, li niltaqa’ ma xi telespettatriċi u tgħidli li tkun tistenna li jasal il-ħin tal-programm għax nagħmilha ferħana. Li noħroġ fil-ġnejna żgħira li għandi u noqgħod inkellem lill-pjanti, mumenti rari minħabba li ma tantx insib ħin però jfissru ħafna għalija.
Għaliex bqajt umli u ma kibritx rasek? Huma ħafna li wara s-suċċess jinsew li darba ma kienu xejn. U xi jġiegħlek tħobb lin-nies daqshekk? Grazzi. – Paul Galea
Insellimlek Paul. Ma stajtx tgħaddili kumpliment isbaħ minn dan. Missieri minn mindu bdejt din il-karriera dejjem qalli biex nibqa’ min jien. Jien Steph, persuna sempliċi minn Santa Venera, mhux ta’ ħafna flus ( anzi!!), mara li għaddiet minn ħafna tbatija fil-ħajja personali tagħha. Jien fortunata li sibt dan ix-xogħol li tant inħobb nagħmel u li tant jagħtini sodisfazzjon. Jien bħal kulħadd inħoss u nweġġa’ u tuġagħni żaqqi, għaliex għandi nitkabbar? Kull xogħol, anke l-iktar wieħed li forsi ma jidhirx, huwa importanti, tiegħi forsi qiegħed fil-pubbliku però dak ma jagħmilnix differenti minn ħaddieħor.
Se terġa’ tkun magħna fl-iskeda li jmiss f’Ottubru? Nistennik bil-ħerqa. – Phyllis Galea
Iva ta’ Phyllis, jekk Alla jrid nerġa’ nibda bl-iskeda li terġa’ tibda fis-27 ta’ Settembru, illum ma’ Steph fuq TVM, mill- 16:45 sa 18:00. Grazzi mmens!
Dalwaqt inħabbru min se tkun il-personalità li jmiss li twieġeb il-mistoqsijiet tagħkom…
