F’ħakka t’għajn, għaddiet karozza riħ minn miegħu u ħaslitu minn fuq s’isfel!
Ma kienx jaf kellux jaqbad isalli jew inkella jħalli l-inbid ikompli jagħmel tiegħu u jinfaqa’ jidħaq kemm jiflaħ!
U dak il-ħin raha.
Għal mument beda jogħrok għajnejh għax ħaseb li kien qiegħed jimmaġina.
Iżda le. Ma kienx qed jimmaġina.
Hemm kienet.
Ħares lejha u hi kienet qiegħda tħares lejh.
Għalkemm id-dawl tat-triq trankwilla kien xi ftit nemnieni, ikanġi kemmxejn lejn l-oranġjo, seta’ jaraha sew.
“Int brikkun……..tfajla sew taraha avolja fis-sakra!” sema’ kważi s-subkonxju jgħidlu minn taħt.
Imma le. Din kienet tfajla differenti minn kull tfajla li qatt kien ra. Kellha xi ħaġa, kellha xi ħaġa li donnha kienet sammritu u ġabitu f’tiegħu. Ħaġa tal-iskantament, donnu lanqas tazza waħda ma kien xorob illejla!
Kienet bilwieqfa fix-xita, b’għajnejha mbexxqin ħalli ma jixxarbux, liebsa xi libsa perpura u żżomm spallejha. X’ħin resaq lejha, Axel induna li kienet qiegħda tirtogħod.
“Inti owkej?” staqsieha. “Għandek bżonn l-għajnuna?”
“Le, grazzi.”
Leħinha. Leħinha kien ħelu daqs iz-zokkor.
“X’inti tagħmel hawn waħdek fix-xita?” staqsieha. Resaq qribha u għolla ftit l-umbrella ħalli tistkenn miegħu taħtha. Kienet tidher għasra.
“Nistenna l-karozza tal-linja ħalli mmur id-dar,” weġbitu.
Għal mument, Axel dawwar ħarstu biex jara jekk kienx hemm stejġ fejn tieqaf il-karozza tal-linja iżda ma ra xejn. Forsi frott l-inbid. Forsi għax kienet fid-dlam. Jew forsi…………….forsi għax kienet qiegħda tigdeb.
“Fejn toqgħod?” staqsiha.
Flietu. Donnha kienet qiegħda tiddejjaq tgħidlu.
“Triq Dolores…………Dar il-Friefet.”
“Bis-serjetà?” staqsiha kważi jixraq fil-bżieq. “Dik it-triq ta’ wara tagħna! Ejja miegħi! Ħalli ma toqgħodx hawn tistenna waħdek! Dal-ħin……….”
Ħarset lejh u ma weġbitux.
“U…………..” kompla jgħidilha. Axel neża’ l-ġakketta u dawwarha magħha. Hekk ma tkomplix tirtogħod bil-bard. “Hekk tħossok aħjar! Ejja!”
U dak il-ħin daħqitlu.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks