F’post li tella’ aktar kmieni llum fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, il-ġurnalist u preżentatur Mark Laurence Zammit ikkonferma li mhuwiex se jibqa’ jmexxi u jippreżenta l-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa.
Huwa żvela li fix-xhur li għaddew kellu ħafna ndħil mill-PBS, tant li ma kienx qed iħossu liberu li jaħdem skont il-prinċipji ġurnalistiċi tiegħu. Żied jgħid ukoll li dan kien ifixkel il-lealtà tiegħu lejn l-udjenza. Kien għalhekk li ħa d-deċiżjoni li jieqaf jagħmel il-programm.
“Il-lealtà tiegħi kienet, għadha u tibqa’ lejn il-poplu, u mhux lejn il-poter politiku.” – Mark Laurence Zammit
Mark qal li din kienet l-aktar deċiżjoni iebsa ta’ ħajtu, għaliex il-programm kien l-aktar ħolma kbira ta’ ħajtu.
“Imma anke l-akbar ħolma ssir ħmar il-lejl jekk ma tgħixhiex fis-sewwa mal-kuxjenza.” – Mark Laurence Zammit
Huwa qal li dak li kien qed jagħmel se jkompli jagħmlu mat-Times of Malta proprju minn għada, għaliex jemmen li din l-organizzazzjoni għandha ġurnalisti li qed jaħdmu għall-ġustizzja u l-verità.
Ikkonkluda l-post tiegħu billi rringrazzja lit-tim li għenu jagħmel il-programm u lill-kumpanija WE Media, fejn qal li kienu huma l-ewwel li emmnu fih u tawh, u baqgħu jagħtuh l-ispazju biex jaħdem u jikber.
Irringrazzja wkoll lill-eluf ta’ nies li kienu jsegwu l-programm kull ġimgħa. Żied jgħid li wara biss għaxar ġimgħat minn meta beda l-programm, survey tal-Awtorità tax-Xandir kien diġà kkonferma li bħala programm ta’ ġurnaliżmu u diskussjoni, L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa kien l-aktar programm favorit f’Malta u Għawdex.
