Aktar kmieni llum, il-kumpanija We Media ħarġet stqarrija dwar il-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa b’referenza għall-kwistjonijiet li ħarġu fil-mixja lbieraħ.
Fl-istqarrija l-kumpanija We Media qalet li l-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa huwa propjetà ta’ We Media Ltd u li l-kumpanija biss tiddeċiedi min jippreżenta l-programm. Qalet ukoll li Mark Laurence Zammit qatt ma kien offrut li jerġa’ jippreżenta l-programm wara l-aħħar skeda u ma kellu l-ebda deċiżjonijiet li jinvolvu l-programm.
Il-kumpanija qalet ukoll li mhuwiex minnu li l-PBS waqqfet Il-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa u li sa ftit ġimgħat ilu kien għadu kkunsidrat meta, żiedet tgħid, Mark Laurence Zammit kien diġà fuq in-notice tat-terminazzjoni tal-impjieg tiegħu bħala produttur minn ma’ We Media Ltd.
Ikkonkludiet l-istqarrija billi qalet li l-programm L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa ma ġiex imwaqqaf mill-PBS imma bi qbil bejn il-produtturi u l-istazzjon nazzjonali sar rebranding tal-programm biex jiċċaqlaq għal fuq l-istazzjon TVMNews+ u jitqassam fuq żewġ partijiet, l-Erbgħa u l-Ġimgħa, u l-isem jinbidel għal Topik.
