Select Page

Nitkellmu ma’ Gwen Gravina

Gwen, naf li għadek kemm tippubblika t-tieni ktieb tat-tisjir tiegħek. X’tista’ tgħidilna dwaru?

Iva, riċentament għadni kif ippubblikajt it-tieni ktieb. Wara s-suċċess tal-ewwel ktieb, li fil-fatt inbiegħu kollha, ħriġna t-tieni edizzjoni ta’ Gwen’s Kitchen (l-isem tal-ktieb tar-riċetti tiegħi). Dan huwa mqassam f’ħames kategoriji, li huma l-aktar kategoriji popolari mas-segwaċi, fosthom sopop, għaġin, platti tal-bidu, main courses u ovvjament ma tonqosx il-kategorija tad-deżerti.

Parti mill-qligħ tal-kotba tiegħek imur għal Puttinu Cares. Għaliex għażilt lil Puttinu?

Iva, bħal m’għidt tajjeb inti parti mill-qligħ tal-kotba tiegħi jmorru għand Puttinu Cares. Din bdiet, meta fil-bidu li kont bdejt nagħmel il-vidjows, kienet issegwini tifla ċkejkna li dak iż-żmien kienet għadejja mit-trattament tal-kanċer, u kont naf li kienu jgħinuha Puttinu. Minn hemmhekk, jien iddeċidejt li bil-ftit li nista’ rrid ngħin lil Puttinu għax naf kemm għandhom bżonn għajnuna.

Minn fejn ġiet din il-passjoni għat-tisjir ta’ età daqshekk żgħira? U kif bdejt titgħallem issajjar?

Il-passjoni tat-tisjir bdiet meta kont nara lill-mummy issajjar u dejjem kont nieħu interess billi nistaqsiha. Aktar ma kbirt, aktar dan l-interess kiber u kont bdejt fil-kċina billi nesperimenta jien ukoll. Il-mummy kienet li għallmitni, sintendi dejjem ħdejja biex ma nweġġax, però tħallini nesperimenta.

Ir-riċetti li tagħmel għas-segwaċi tiegħek ikunu ispirati minn riċetti oħrajn jew toħloqhom kompletament int?

Normalment ikunu ispirati minn diversi riċetti oħrajn, però dejjem finalment nagħtihom it-touch tiegħi.

X’inhuma l-aktar affarijiet bażiċi li bilfors trid tkun taf u tagħmel fit-tisjir?

Jien nemmen li l-passjoni tal-kċina jew tkun fik jew le! Il-bqija t-tisjir huwa faċli, jekk isir b’passjoni. L-importanza bla dubju tkun is-sigurtà, li toqgħod attent miż-żjut li jkunu jaħarqu, kif tħallat l-ingredjenti flimkien kif ukoll li tkun ċert li bħala taħlita tkun saret kompletament.

Xi tħobb tiekol l-aktar, u liema tip ta’ ikel tħobb issajjar l-aktar?

Bħala ikel favorit tiegħi huwa l-għaġin, kull tip ta’għaġin. Inħobb insajjar prattikament kollox. Inħobb ħafna noħloq riċetti li jkunu jinkludu ikel ma’ frott.

Tirrakkuntalna xi praspura li saret wara l-kwinti, waqt il-ġbid ta’ wieħed mill-filmati li twassal lis-segwaċi?

Farsa li niftakar, konna qed nipreparaw l-ingredjenti biex nagħmlu l-filmat, u eżatt qabel bdejna, ilqatt l-istokk tal-ħaxix bil-minkeb u spiċċa kollu fl-art!! Kien jaħraq ħafna u kellna nnadfu kullimkien qabel nibdew!

Kif tiddeskrivi r-relazzjoni tiegħek mal-mamà u x’importanza għandu s-sehem tagħha f’dan il-vjaġġ?

Il-mummy kollox għalija! Il-paċenzja li għandha miegħi ma nista’ qatt nirringrazzjaha biżżejjed għaliha! ikollna xi ngħidu bħal kulħadd, naqsmu l-opinjonijiet flimkien, imbagħad naslu għal konklużjoni. F’dan il-vjaġġ sibt is-sapport kollu tagħha li b’dedikazzjoni kbira teħodli l-filmati, nagħżlu r-riċetti flimkien u mbagħad inwassluhom lis-segwaċi.

Lil hinn mill-ikel u t-tisjir, min hi Gwen? Kif tiddeskrivi l-karattru tiegħek? X’passatempi għandek minbarra t-tisjir?

Tifla obidjenti li nħobb ngħin lil kulħadd. Tifla bil-għaqal u dejjem inħobb nitgħallem. Bħala passatempi nħobb id-drama, u ż-żfin li t-tnejn li huma nħobb nipprattikahom ukoll.

X’jagħmlek l-aktar kuntenta?

L-iktar li jagħmilni kuntenta meta nkun barra u jwaqqfuni n-nies u jgħiduli li meta jkunu waħedhom u jaraw il-filmati tiegħi inferraħhom. Jien dak għalija huwa l-ikbar sodisfazzjon.

Kieku kellek il-poter li tirranġa jew tbiddel xi ħaġa mid-dinja, xi tkun u għaliex?

Kieku nista’ nbiddel xi ħaġa tkun li l-mard u t-tbatija ma jkunux jeżistu, kulħadd ikun ferħan b’li jkollu u tinqered l-għira.

X’inhi l-akbar ħolma tiegħek?

Għandi ħafna ħolm bħal kulħadd, però dejjem noħlom li ndur id-dinja!

Xi jfisser għalik ir-rispons daqstant qawwi u kontinwu tas-segwaċi tiegħek?

Ir-rispons u s-sapport ifissru ħafna! Is-segwaċi saru parti minna wkoll! Is-sodisfazzjon li l-filmati jsegwhuom ħafna nies tfisser li d-dedikazzjoni tiegħi hija apprezzata!

Il-messaġġ ta’ Gwen għas-segwaċi ta’ skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks