Jekk tixtieq tkun taf l-istadji li ġġib magħha l-infedeltà tista’ ssegwi l-blog li ktibt ftit ta’ żmien qabel dan: L-Infedeltà f’Relazzjoni – X’inhuma l-konsegwenzi u l-istadji li ġġib magħha? – Skoperta

F’dan l-artiklu se nitkellem dwar il-persuna li ma kienx leali fir-relazzjoni.

Importanti li nifhmu li min ifittex nies barra mir-relazzjoni, b’mod sesswali jew/u emozzjonali, juri li dan il-persuna jħoss xi ħaġa nieqsa fir-relazzjoni li għandu. Fi żminijiet riċenti, saret xi ħaġa aktar komuni minn qabel li partners ma jkunux leali fir-relazzjoni. Dan huwa għaliex iċ-ċiberspazju joffri ħafna opportunitajiet u jipprovdi aktar tentazzjonijiet lin-nies f’relazzjoni. M’iniex qegħda nagħtihom ir-ragun għax kemm il-lealtà u t-tiksir tal-fideltà huma għażliet.

Fin-Nebraska seħħet riċerka dwar kif l-użu tal-internet (permezz t’online dating) jaffettwa l-lealtà f’relazzjoni. Dan l-istudju seħħ fuq 5,187 persuna miżżewġa sabiex ir-riċerkaturi jistudjaw kemm il-parteċipant jagħżel l-infedeltà. Ir-riċerka uriet kif persentaġġ kbir ta’ dawn il-parteċipanti sabu nies barra miż-żwieg permess tal-użu tal-internet. Dan wassal għal hook-ups u anke relazzjonijiet aktar serji. Sabu wkoll li n-nisa kienu aktar involuti f’attività ta’ sexting mill-irġiel.

Permess ta’ din ir-riċerka, ir-riċerkaturi kkonkludew li l-ammont ta’ infedeltà onlajn u b’mod reali huwa ndaqs. Ir-riċerka tgħid li r-rata tal-infedeltà fl-irġiel iżgħar fl-età jiġu influwenzati mill-mezzi tal-internet. Filwaqt li l-irġiel li huma akbar fl-età ma jiġux influwenzati ħafna minn dawn il-mezzi tal-internet.

Interessanti li fi studju li sar F’Tel Aviv jitkellem dwar kif il-kuntentizza għandha x’taqsam mal-onestà u l-fedeltà. F’ċerti sitwazzjonijiet, in-nies jeqilbuha lill-partner għar-raġuni biex isibu kuntentizza min-nies barra mir- relazzjoni, anke meta jkunu kuntenti mal-partner.

Nies li kienu għaddejjin mit-toroq ta’ Tel Aviv kienu mistoqsija mistoqsijiet tal-Oxford Happiness Questionnaire (OHQ). Dan il-kwestjonarju fih 29-il mistoqisija li l-kandidat għandu bżonn jimmarka t-tweġiba li tgħodd. Fih użaw test li jiddentifika meta wieħed ikun diżonest. Din ir-riċerka uriet li n-nies li huma kuntenti f’ħajjithom ma jkunux fidili lejn il-partner tagħhom.

Ħafna nies li ma jkunux fidili lejn il-partner tagħhom ifittxu identità ġdida għalihom innifishom, jew ifittxu lilhom innifishom. Ċerti nies jagħmlu dak li mhux etiku għar-raġuni li b’dan l-għemil, in-nies jaqbadhom ċertu entużjażmu meta jagħmlu affarijiet li jidhru ipprojbiti. Raġuni oħra hija li ċerti nies iħossuhom imsakkrin fil-ħajja li ddeċidew li jgħixu, b’hekk b’permezz tal-infedeltà jsibu ħarba mill-ħajja ta’ kuljum. Persuni oħra jiddeċiedu li ma jkunux fidili lejn il-partner tagħhom minħabba li jkollhom stima baxxa. Dan għaliex għal xi nies, meta persuna tħoss li hija mixtieqa minn aktar minn persuna waħda, tħossha aħjar fuqha nnifisha. Vendetta hija wkoll raġuni għaliex ċerti nies mhumiex leali lejn il-parter tagħhom, minħabba rabja li jħossu lejn il-partner.

Ir-riċerka turi, li l-irġiel iktar min-nisa, jgħidu li ma jkunux fidili lejn il-partner tagħhom minħabba xewqa sesswali. Dan ifisser li l-koppja mhux qed ikollhom sess frekwenti, jew inkella l-imġiba sesswali kif ukoll l-istil ta’ sess li huma jridu.

Dan l-artiklu juri xi raġunijiet psikoloġiċi għaliex xi nies jagħżlu li ma jkunux fidili lejn il-partner tagħhom . Dan l-artiklu m’għandux jiġi użat bħala raġuni għaliex ma tkunx fidil lejn il-partner tiegħek. Importanti li tiftakar kemm huwa importanti li tikkomunika mal-partner tiegħek jekk m’intix kuntent/a.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks