Ftit ġranet biss wara l-attentat ta’ suwiċidju li sar minn tfajla bil-problema tad-droga, ġewwa l-ħabs u li sfortunatament irnexxa, reġa’ sar attentat ta’ suwiċidju ieħor, din id-darba minn ġuvni ta’ 30 sena, li wkoll kellu problema tad-droga.

Fil-filmat, Peppi qal li tkellem ma’ omm il-ġuvni, li bħalissa jinsab fi stat gravi. Huwa qal li mill-informazzjoni li għandu, dan il-ġuvni kien diġà l-ħabs, u meta daħal tefgħuh f’solitary confinement, jiġifieri f’post tal-kastig fejn jinżammu 23 siegħa maqfulin u joħorġu siegħa biss. Mill-informazzjoni li għandu Peppi, dan il-ġuvni dam hemmhekk bejn 15 u 30 ġurnata.

Peppi qal ukoll li fl-ewwel darba li kien il-ħabs, kien diġà wera li għandu ħsibijiet ta’ suwiċidju b’dak li kien jgħid u anki jagħmel.

“U allura nistaqsi, imma dan ma jkunx hemm rekords ta’ x’ġara l-ewwel darba li kien hemm biex meta issa reġa’ daħal ikun hemm xi ħadd ikun jaf li dan għandu suicidal thoughts ġo fih jew verament tiġu titnejku? Tiġu titnejku minn dawn il-persuni…” – Peppi Azzopardi

Skont l-informazzjoni li għandu Peppi, din id-darba l-ġuvni reġa’ ntbagħat f’solitary confinement għal madwar għaxart ijiem jew aktar.

Bħal diversi drabi oħra, Peppi reġa’ saħaq li persuni li jkunu se jidħlu l-ħabs minħabba d-droga jew reati li għandhom x’jaqsmu mad-droga, għandhom jintbagħtu ġo post immexxi mill-Caritas, Sedqa jew Oasis, li jkun post sigur imma mimli mħabba u trattament xieraq.

“… Imma meta? Meta se jagħmel xi ħaġa xi ħadd? Iva mhux biżżejjed li ftit jiem ilu tfajla li kellha problema tad-droga, li l-maġistrat qal lid-direttur tal-ħabs, din ħa nibgħatha l-ħabs biex taraw x’għandha bżonn u tieħdu ħsiebha ħa tfiq. U ġew jitnejku milli qal il-maġistrat. Riedet tmur il-Caritas, irranġalha biex tmur u ma bagħtuhiex u ddisprat u għamlet suwiċidju, u mietet. U wara ftit jiem reġa’ għandna ieħor.” – Peppi Azzopardi

Peppi kkonkluda l-filmat billi qal li bħalissa qegħdin l-iktar post fejn saru suwiċidji fil-ħabs mill-Ewropa kollha, u li din hija tal-mistħija.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks