Select Page

Nitkellmu ma’ Roxanne Cutajar Gauci

Roxanne, għidilna ftit dwarek għal min għadu qatt ma segwik…

Jien omm ta’ tnejn. Persuna li nitgħallem affarijiet ġodda kuljum, u b’determinazzjoni u attitudni pożittiva naqsam ir-realta, bit-tlajja’ u l-inżul tal-ħajja. Għandi wkoll passjoni għaż-żfin.

Kif u għaliex iddeċidejt li tibda tibni din il-komunità permezz tal-instagram account tiegħek?

Beda kollox matul l-ewwel lockdown li kellna. Ġiet l-idea li nibda nagħmel intervisti live fuq Instagram fejn niddiskutu suġġetti differenti, u bil-mod il-mod din l-idea żviluppat f’xi ħaġa ferm ikbar milli ppjanajt, u ta’ dan inħossni grata immens.

Għall-kuntrarju li forsi wħud jaħsbu, dan m’huwiex pass faċli, kemm kont ċerta li se jirnexxilek taqbad id-direzzjoni lejn dak li tixtieq tasal għalih, anke għall-fatt li ħafna qed jaqbdu l-istess triq?

Ċertament li mhix faċli. Trid tkun lesta li taqsam it-tajjeb u l-ħażin, u tkun reali mas-segwaċi tiegħek. Jeħodlok ħafna mill-ħin tiegħek biex toħloq il-kontenut, teditja eċċ, imma jekk tkun xi ħaġa li verament tħobb tagħmel, kollox jiġi b’mod naturali u mill-qalb.

L-isem tal-account tiegħek huwa the_dancemama, minn fejn ġie dan l-isem?

Iż-żfin minn dejjem kien parti kbira minn ħajti. Passjoni li ilha fija minn età żgħira ħafna u se tibqa’ għal dejjem. Min-naħa l-oħra, il-fatt li sirt omm biddilli ħajti għall-aħjar, għal dejjem, u allura għaqqadt flimkien tnejn mill-aktar affarijiet importanti f’ħajti.

Riċentament, għalaqt sena f’dan il-vjaġġ. Xi jfisser għalik dan il-fatt?

Inkredibbli! Inħossni kuntenta ħafna li ninsab fejn wasalt illum, naħdem ma’ ħafna brands eċċellenti u nsir naf ħafna segwaċi. Inħossni grata ħafna.

F’din is-sena, tħoss li saret ċerta bidla fik?

Dak kollu li għaddejna u għadna għaddejjin minnu minħabba l-pandemija tani motivazzjoni biex nibqa’ soda u pożittiva kemm jista’ jkun. Ir-rispons li nirċievi mis-segwaċi tiegħi jagħtini ħafna enerġija. Iva saret bidla fija, għaliex kollha kemm aħna ninbidlu kontinwament maż-żmien u bl-esperjenza li ngħaddu minnhom. Inħossni li nbidilt għall-aħjar, tgħallimt inħares lejn il-ħajja b’mod aktar pożittiv. Sirt nara aktar it-tazza bħala nofsha mimlija milli nofsha vojta

Tikkunsidra lilek innifsek bħala influencer?

Nemmen li l-kelma influencer hija kelma qawwija. Għad hemm ħafna x’nitgħallem u fejn nikber. Jien naqsam ħajti, nesprimi l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tiegħi, allura nikkunsidra lili nnifsi bħala lifecaster.

X’differenza għamel il-fatt li sirt familjari mall-pubbliku?

M’għamlitx xi differenza kbira, ħlief li wassalni biex nagħmel ħbieb tal-ġenn u niltaqa’ ma’ ħafna nies li jimmotivawni.

Xi tħoss li hija l-akbar responsabbiltà li ġġorr ta’ kuljum minħabba dak li tagħmel?

Jien nemmen li meta taqsam ħajtek b’dan il-mod, trid tkun konxja tal-eżempji li tkun qed twassal. Naħseb li huwa importanti li tkun konsistenti u l-aktar importanti hu li tkun reali f’dak li turi u titkellem dwaru mas-segwaċi tiegħek.

Omm ta’ żewġt itfal. Kif biddlulek ħajtek? U xi tħoss li tgħallimt l-aktar bl-irwol tiegħek bħala omm?

Jien inħares lejn il-ħajja ta’ omm bħala avventura. Ikun hemm mumenti sbieħ u oħrajn diffiċli. Mumenti ta’ ferħ u ta’ biki imma hija barka u nibqa’ grata għal dejjem li għandi lilhom f’ħajti.

Kemm hu importanti għalik li tinkludi l-familja tiegħek, ir-raġel u t-tfal, f’dak li twassal lis-segwaċi tiegħek?

Il-familja hija importanti għalija. Importanti ħafna. Huma parti kbira minn ħajti u allura hija naturali li jkunu nklużi f’dak li nwassal lis-segwaċi, madankollu xorta nirrispetta l-privatezza.

Minbarra li int żeffiena, int ukoll għalliema taż-żfin. X’wasslek biex tidħol f’dan il-qasam?

Jien bdejt niżfen mindu kelli biss 6 snin, u qatt ma ħarist lura. Hija xi ħaġa li se tibqa’ parti minni għal dejjem. Kienet dejjem il-ħolma tiegħi li ngħallem iż-żfin, li noħloq l-arti permezz taż-żfin, li jkolli l-iskola tiegħi u allura ħdimt ħafna biex inwettaq dak li dejjem xtaqt. Bħal kollox fil-ħajja, ma kinitx faċli imma m’hemm xejn li ma jirnexxilekx tagħmel jekk verament tkun trid xi ħaġa u temmen fiha.

Taqsam ħafna mill-ħajja tiegħek mas-segwaċi tiegħek, iżda tħoss li għandu jkun hemm limitu?

Iva, definittivament. Nemmen li għandu jkun hemm bilanċ tajjeb bejn dak li taqsam pubblikament u dak li żżomm privat. Huwa importanti mhux biss għalija imma anki għall-familja tiegħi

Xi tqis li kienet l-akbar kisba tiegħek s’issa?

Naħseb li kienet il-kunfidenza li rnexxieli nibni biex nitkellem fl-istories tiegħi. Forsi llum il-ġurnata ma tidhirx li kienet sfida għalija imma kien proċess twil biex wasalt s’hawn.

Tinkwieta li dak li tgħid jista’ jiġi interpretat b’mod żbaljat?

Iva fil-fatt għalhekk xi drabi naħsibha darbtejn dwar liema suġġett għandi jew m’għandix nitkellem dwaru onlajn. Huwa importanti li nirrispettaw id-diversità filwaqt li nesprimu opinjonijiet differenti.

Ġieli rċevejt kummenti li weġġgħuk?

Inħossni grata li s’issa qatt ma rċevejt kummenti ta’ dak it-tip.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħtik dak li tagħmel?

Meta persuni jirrelataw ma’ suġġetti varji li nkun qed inwassal u meta tinbet konnessjoni ma’ persuni differenti fuq livell personali tant li nitkellmu u naqsmu l-esperjenzi ma’ xulxin.

Liema hija l-kwistjoni li int l-aktar sensittiva dwarha, u għaliex?

Bħalissa, ċertament li hija l-kwistjoni tat-tibdil klimatika globali, u kif l-ambjent u d-dinja qed jiġu affettwati b’mod negattiv ħafna. Din hija xi ħaġa sensittiva għalija u nixtieq nitkellem aktar dwarha.

Fejn qed taspira li tasal?

Kollha kemm aħna għandna l-għanijiet tagħna. Huwa sabiħ li jkollok mira li trid tilħaq. Madankollu, bħalissa qed nimxi pass wara pass u nara fejn din l-esperjenza tant sabiħa twassalni.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks