L-aħħar avventura ma’ Angelo Caruana, li issa ħafna qed jirrelatawh ma’ diversi avventuri madwar Malta, se teħodna fuq xi ħaġa li mhux imdorrijin naraw jew nagħmlu.

F’din l-avventura se nesperjenzaw għawma mat-tonn, mas-6 kilometri ‘l barra mill-kosta Maltija, fejn dawn jinżammu sabiex jitrabbew u kif jilħqu ċertu piż u kobor, jiġu esportati l-iktar lejn il-Ġappun, sabiex jiġu proċessati għall-industrija tas-Sushi u s-Sashimi.


Kollox beda hekk kif Angelo flimkien ma’ grupp ta’ nies oħra rikbu fuq dgħajsa mill-Mellieħa fejn wasslithom sal-fishfarm fejn hemmhekk wara li libsu l-maskra tal-baħar, qabżu ġo wieħed mit-tankijiet fejn kellhom iċ-ċans li jsegwu mill-qrib dawn il-kreaturi li jaffaxxinawk bil-ġmiel u kobor tagħhom.


Għalkemm dawn jintgħalfu darba kuljum, Angelo kellu ċ-ċans li jwaddab il-ħut u jara dawn it-tonn jitilgħu b’ħeffa kbira biex jieklu, attrazzjoni li tista’ tesperjenza biss f’Malta kif ukoll fl-Awstralja peress li l-ebda pajjiż ieħor ma jagħti permess li dan isir.


Din l-avventura spiċċat fuq nota ferm isbaħ għax fi triqthom lura, segwew mill-qrib il-movimenti ta’ mhux inqas minn sitt dniefel li kienu fil-qrib kif ukoll diversi ċief li kienu qed jitgħajjru maż-żiffa ħafifa.


L-industrija tat-tonn f’Malta hija waħda kbira u attiva, fejn fiha jiġu mkabbra ammont kbir ta’ tonn li jiġi esportat. Din l-industrija ġieli għaddiet minn kontroversja wkoll minħabba l-impatt ambjentali li tħalli.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks