Select Page

Proprju llum jaħbat l-44 anniversarju mill-mewt tar-Re tar-Rock & Roll u wieħed mill-iktar mużiċisti rinomati fid-dinja, Elvis Aron Presley. Huwa miet fis-16 t’Awwissu tal-1977, fid-dar tiegħu ta’ Graceland f’Memphis, Tennessee, fl-età ta’ 42 sena.

Dakinhar waranofsinhar il-kantant instab mis-sieħba tiegħu, Ginger Alden, mimdud fl-art tal-kamra tal-banju u mitluf minn sensih. Elvis ittieħed malajr bl-ambulanza lejn l-isptar Baptist Memorial u, wara li fallew it-tentattivi biex jerġgħu jqajmuh, ġie ddikjarat mejjet fit-3:30 ta’ waranofsinhar.

Il-mewta tiegħu hija waħda kontroversjali. Għalkemm il-kawża attwali tal-mewt ta’ Elvis tidher li kienet insuffiċjenza tal-qalb, l-inċident kardijaku issa huwa kkunsidrat bħala riżultat tal-abbuż serju u fit-tul tad-droga mill-istilla tar-rock.

Bħal bosta artisti dak iż-żmien, Elvis kien jagħmel użu sostanzjali minn numru ta’ mediċini preskritti nklużi opjati, barbiturati u sedattivi. Meta r-rapport tat-tossikoloġija tad-demm tal-artista wasal lura mill-analiżi diversi ġimgħat wara l-mewt tiegħu, huwa rrappurtat li kien fih dożaġġi għoljin ta’ diversi mediċini.

Snin wara l-mewt tiegħu, it-tabib ta’ Elvis, Dr George Nicgopoulos, magħruf ukoll bħala “Dr Nick” kien implikat fil-mewt tal-kantant. Fl-1989, Nichopoulos, li beda jittratta lil Elvis fl-1967, kellu l-liċenzja medika tiegħu sospiża mill-istat ta’ Tennessee għal tliet xhur talli ppreskriva u pprovda sustanzi b’mod indiscriminate. Skont l-akkużi, fl-aħħar 20 xahar tal-ħajja ta’ Elvis, ġie preskritt ‘il fuq minn 20,000 pillola u farmaċewtiċi oħra u kien iġorr tliet bagalji bid-drogi miegħu meta jivvjaġġa.

Nichopoulos iktar tard xehed li huwa kien jagħti lil Elvis kwalunkwe mediċina li kien jitolbu għaliex inkella kien iġibhom minn xi ħaddieħor jew possibilment jirrikorri għad-drogi tat-triq.

F’Novembru tal-1981, Nichopolous ġie akkużat bi 11-il delitt ta’ preskrizzjoni żejda ta’ drogi, iżda ġie illiberat. Huwa żamm il-liċenzja medika tiegħu sal-1995 meta ġiet sospiża b’mod permanenti mill-Bord tal-Eżaminaturi Mediċi tat-Tennesse.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks