Select Page

Ftit ġranet ilu, The Travellers nedew il-kanzunetta l-ġdida tagħhom, Il-Biża’. Il-vidjow mużikali ħareġ fid-9 t’Awissu, 2021 u hija l-ewwel diska maħruġa mill-album il-ġdid tagħhom.


Il-grupp beda jħejji r-ritorn tiegħu fix-xena mużikali fil-25 ta’ Lulju, fejn libbes il-pjattaformi tal-midja soċjali kollha bl-iswed kif ukoll tana togħma żgħira mid-dehra l-ġdida tiegħu, ispirata min-neon.


Din l-aħħar single tagħhom Il-Biża’ titratta fuq it-tbatija interna li wieħed jiffaċċja meta jkun qed ibati minn problemi fis-saħħa mentali tiegħu. Id-diska tippersonifika din il-biża’ u tesprimiha b’mod uniku u b’messaġġ interessanti. Il-mużika biss ukoll tqanqal sens ta’ biża’ u direzzjoni totalment differenti mill-kanzunetti li ħarġu qabel.

The Travellers issieħbu wkoll ma’ Richmond Foundation biex iwasslu messaġġ ta’ tama lil kull min qed jiffaċċja dawn il-problemi fis-saħħa mentali tiegħu. Iċ-ċentru tal-messaġġ huwa biex dawn in-nies ma jiddejqux jitkellmu ma’ nies professjonali jekk iħossu li s-saħħa mentali tagħhom qegħda f’riskju.

Servizz ta’ 24 siegħa kuljum huwa disponibli billi ċċemplu fuq 1770 jew chat onlajn fuq OLLI Chat u Kellimni.com.


Il-Biża’ hija l-ewwel kanzunetta mill-album il-ġdid ta’ The Travellers, bl-aħħar wieħed kien fl-2018 – Iljuni fis-Silġ li kien jinkludi fih l-aqwa kanzunetti tagħhom li laħħqu l-quċċata taċ-charts lokali bħal Ħafi Paċi Kuluri u Ersaq fil-Qrib.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks