Wara l-kanzunetta tagħha Break the Silence, is-sena li għaddiet, il-kantanta Jessica Magro reġgħet lura fuq ix-xena mużikali lokali bil-kanzunetta ġdida tagħha Natural.
Il-kanzunetta, bil-lirika u mużika ta’ Magro stess, għandha tifsira speċjali għaliha.
“Inħobb nikteb kanzunetti li huma relatabbli u kurrenti, filwaqt li noħloq ħoss modern u uniku,” tispjega Jessica. “Kelli l-ħsieb ħafna drabi li nikteb kanzunetta dwar dan is-suġġett. Imbagħad ġurnata waħda kont qed nilgħab bl-ideat… u l-kor ta’ din il-kanzunetta daħlitli f’moħħi. Minn hemm ‘il quddiem, komplejt nibni l-kanzunetta għal dik li hi llum.”
Il-messaġġ tal-kanzunetta hu li m’għandniex bżonn nibdlu xejn dwarna nfusna, aħna perfetti eżatt kif aħna.
“Kull darba li nisma’ din il-kanzunetta, infakkar lili nnifsi li jien m’għandix bżonn ngħatti lili nnifsi bl-irtokk u glam biex nuri min jien. Nemmen li ħafna nies jistgħu jirrelataw ma’ dan il-messaġġ,” tgħid Jessica.
Hekk kif tmur il-lirika ta’ Natural: “Why? Do we crave perfection. Why? Nothing is enough?”
“Kultant ninsew li l-personalità tagħna hija dik li tagħmilna uniċi. M’għandniex nibżgħu li nkunu perfettament imperfetti,” tgħid Jessica.
Apparti mill-kanzunetta, Jessica nidiet ukoll vidjow mużikali li nġibed f’diversi lokalitajiet madwar Malta.
“Wieħed mill-postijiet li taraw fil-vidjow huwa Il-Ponta tal-Munxar f’Marsaskala. Sa ftit xhur ilu, lanqas kont naf li kien jeżisti dan il-post tant sabiħ!” tammetti Jessica. “Użajna wkoll dar abbandunata u kwartieri militari f’Għajn Tuffieħa biex nuru li, għalkemm kull wieħed minna għandu imperfezzjonijiet u karatteristiċi uniċi, xorta aħna sbieħ.”
Il-produzzjoni, l-editjar u l-mastering ta’ Natural kienu f’idejn Matteo Depares u James Oliver. Marlon Polidano kien il-vidjografu u l-editur tal-vidjow mużikali, filwaqt li Gabriel Piscopo ħa l-filmati tad-drone. Il-ħwejjeġ ta’ Jessica ġew minn YAB, bl-irtokk f’idejn Maria Attard.
Jessica bdiet tkanta fl-2002. Kienet ir-rebbieħa tal-festival Għanja tal-Poplu tal-2017, u din hija t-tielet kanzunetta oriġinali tagħha, wara Fearless fl-2019 u Break the Silence fl-2020.
