Jiem wara li ħadu f’idejhom il-belt kapitali tal-Afganistan, it-Taliban iddikjaraw li d-drittijiet għan-nisa se jiġu segwiti mil-liġi reliġjuża Iżlamika, jew il-liġi tax-Xarija.
F’konferenza tal-aħbarijiet, kelliem għat-Taliban qal li d-drittijiet tan-nisa se jkunu marbuta mas-sistema tal-liġi tax-Xarija, iżda qal ukoll li n-nisa se jkunu jistgħu jistudjaw u jaħdmu fil-limiti tagħhom. Filwaqt li qal li se jkunu qed jaħdmu spalla ma’ spalla magħhom, saħaq li jixtiequ jassiguraw lill-komunità internazzjonali li mhux se jkun hemm diskriminazzjoni.
Madanakollu, ir-reġim ta’ qabel l-invażjoni tal-Afganistan immexxija mill-Istati Uniti fl-2001 kien vjolenti speċjalment lejn in-nisa. Nisa li jidhru fil-pubbliku mingħajr raġel setgħu jinħatfu u jiġu mġiegħla jiżżewġu, u nisa li jiġu aggrediti sesswalment setgħu jiġu eżegwiti.
Sadanittant din il-ġimgħa, kmandant tat-Taliban qal li mhux se jkun hemm sistema demokratika fl-Afganistan iżda se jimxu biss tal-liġi tax-Xarija.
X’inhi l-liġi tax-Xarija?
Ix-Xarija hija sett ta’ liġijiet li jirregolaw il-ħajja ta’ kuljum ta’ nies Musulmani, inklużi t-talb u s-sawm. Hija bbażata fuq kombinazzjoni tal-Koran, il-ktieb qaddis tal-Islam u tagħlim lill-profeta Muhammad.
Bl-Għarbi, Ix-Xarija ġejja minn kelma li tfisser triq, jew it-triq ċara u mfittxija għall-ilma. Fil-prattik ix-Xarija hija mifhuma, interpretata u applikata b’mod differenti madwar id-dinja, skont tradizzjonijiet diverġenti, kuntesti kulturali u r-rwol tal-Islam fil-gvern.
X’tgħid il-liġi tax-Xarija dwar in-nisa?
Minkejja li matul l-istorja kien hemm Musulmani li rrispettaw u ħaddnu d-drittijiet tan-nisa u r-rwoli pubbliċi għan-nisa, taħt l-interpretazzjoni estremista tal-liġi tax-Xarija tat-Taliban, in-nisa prattikament m’għandhom l-ebda dritt. Ma jkunux intitolati għall-ebda wirt u jiġu trattati ħażin ħafna, b’indifferena, krudeltà u saħansitra anke jinqatlu f’qtil ta’ unur.
Hekk kif ħadu f’idejhom l-Afganistan, it-Taliban jidhru li qed jipproġettaw stampa tagħhom inqas ħarxa, madankollu huma ħafna li jiddubitaw li t-Taliban biddlu l-fehmiet tagħhom dwar id-drittijiet tan-nisa b’xi mod fundamentali. Komplew isaħħu dawn id-dubji rapporti li ħarġu dwar impjegati nisa li tkeċċew mix-xogħol u dwar żwiġijiet sfurzati.
