Intom in-nisa kollha se tifhmuni.
Bilfors.
Għax min minnkom xi darba ma ġratlux id-diżgrazzja kbira li kontu qegħdin b’żarbun sabiħ u li x’aktarx kien għal qalbkom, u hekk, f’ħin bla waqt jinqala’ l-qiegħ………iċċedi l-kolla tiegħu, jew inkella tinqata’ xi ċinga minnu?
U tispiċċa bla żarbun.
Iva, din hija ħaġa li tista’ tiġri.
Imma forsi għal dawk li jkunu jħobbu jilbsu ż-żraben tat-takkuna iżjed mill-oħrajn, jaf dawn l-episodji, jew ġrajjiet, insejħulhom kif tridu, huma aktar komuni.
U biex inkun onesta, jien ġratli kemm-il darba.
Nassigurakom li naf xi tħoss.
U hekk ġrali f’ħin bla waqt meta kont għaddejja nimxi fi Sqallija. F’raħal partikolari.
Novara di Sicilia.
Wieħed mill-isbaħ postijiet illi jiena qatt kont rajt.
Biex tlajna għalih għamilna daqs xi nofs siegħa tielgħin ma’ muntanja għolja, muntanja kbira li aħna f’Malta żgur li m’għandniex b’dan id-daqs ta’ għoli. Iżda malli tasal hemm fuq, dik l-arja friska, ir-riħa tal-arja pura u nadifa, il-frisk li jibda jittantalek il-pori…………f’kelma waħda, tħossok tajba.
Imma jiena kont qed nara jekk stajtx insib ħanut taż-żraben forsi nbiddel dak l-imbierek żarbun li bih kont qiegħda nagħmel pass wieħed ‘il quddiem u erbgħa lura!
U hekk malli bdejt indur ir-raħal, ħassejtni li kont qiegħda nagħmel iktar milli nfittex ħanut taż-żraben. Kont qiegħda nara t-toroq dojoq, il-paviment sabiħ tal-art tat-triq magħmul b’tant reqqa, kont qiegħda nara l-muntanji l-oħra minn bejn id-djar, is-siġar kbar u sbieħ li kienu jżejnu dawn l-inħawi, u d-djar sbieħ bis-saqaf aħmar, eżatt kif kont nara fuq l-istampi. Eżatt kif kont inħobbhom jien. Imma ma tantx stajt immur ‘il bogħod. Kont qiegħda nsibha bi tqila biex nimxi, meta tikkunsidra l-mod ta’ kif kien qiegħed iliegħeb is-sandli ta’ taħt saqajja. Kellu dehra ta’ kelb mejjet bil-għatx b’ilsienu pied ‘il barra!
U għaddejt minn quddiem tabelli, imma ħlief ritratti ta’ nies fuqhom ma rajtx. Ma kienx hemm tabella waħda li setgħet tindika xi ħwienet partikolari.
U bdejt indur u nagħqad.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Avukata u Awtriċi