Din is-sena, l-Għerejjex ta’ Santa Marija waslu xi ftit aktar tard mis-soltu għaliex proprju lbieraħ għamlet l-ewwel xita ta’ dan l-istaġun f’partijiet f’Malta u Għawdex.
X’inhuma l-Għerejjex ta’ Santa Marija?
L-Għerejjex ta’ Santa Marija huma sħab li jifforma lejn iċ-ċentru tal-pajjiż, ġeneralment għall-ħabta ta’ nofs ix-xahar t’Awwissu.
Bil-Latin, dan is-sħab jissejjaħ Cumulus Congestus jew Stratocumulus Castellanus. Is-sħab jifforma permezz ta’ sħana li minn fuq l-art tikkondensa malli f’livell bejn 1000 u 2000 metru ‘l fuq l-arja tibda tiksaħ.
Dan jiddependi minn kemm tiksaħ l-arja fil-livell tal-atmosfera, aktar ma tiksaħ l-arja, aktar tkun kbira s-sħaba. Dan jiġri l-aktar bejn filgħodu u tard waranofsinhar u xi drabi jikkawża anke xita bil-qliel.
