Aġenzija Sapport tmexxi d-dipartiment tal-ACTU, li l-għan prinċipali hu li jipprovdi sapport lill-individwu fil-qasam tal-komunikazzjoni, indipendenza, kwalità ta’ ħajja u parteċipazzjoni fis-soċjetà. Dan is-servizz hu pprovdut minn tim li jikkonsisti minn Speech & Language Therapists u Occupational Therapists li l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom hi l-qasam tat-teknoloġija assistiva.
ACTU joffri żewġ assessjar u interventi fl-oqsma ta’:
- Augmentative and Alternative Communication (AAC)
- Electronical Assistive Technology (EAT)
Is-servizz ta’ AAC jipprovdi sapport lill-individwi li għandhom diffikultajiet ta’ komunikazzjoni ta’ natura kumplessa. L-għan prinċipali ta’ dan is-servizz hu biex jassessja u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal sistemi u strateġiji ta’ AAC u kif wieħed jista’ jużahom. Is-servizz ta’ EAT jipprovdi assessjar biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi biex persuni b’diżabilità fiżika u intelletwali ikunu jistgħu jaċċessaw il-kompjuter kif ukoll l-kurrikulum tal-edukazzjoni. Isir ukoll assessjar tal-ambjent tal-persuna.
Is-servizz primarjament jingħata lil tfal taħt is-16-il sena u li jattendu l-iskola fuq bażi full-time. It-tfal li normalment ikollhom bżonn is-servizz huma tfal li għandhom diffikultajiet fit-taħdit (non-verbal). Tfal li bbenifikaw mis-servizz jinkludu fost oħrajn dawk bil-kundizzjoni tal-awtiżmu jew cerebral palsy, fejn ikunu jitkellmu ftit kliem biss jew ma jitkellmu xejn, u li permezz ta’ apparat teknoloġiku assistiv, ikunu jistgħu jikkomunikaw.
It-terapisti fi ħdan ACTU, minbarra li jaħdmu id f’id ma’ professjonisti oħra involuti fil-ħajja tat-tfal, jagħmlu rakkomandazzjonijiet għal sistemi li jgħinu t-tfal jikkomunikaw. Ladarba jsir l-assessjar tat-tifel jew tifla, it-tim tal-ACTU għandu aċċess għal għażla wiesgħa ta’ apparat li jkun jista’ jiġi ppruvat ma’ dawn it-tfal. Il-professjonisti jaħdmu flimkien mal-familja u mal-Ispeech & Language Therapist kif ukoll l-għalliema tat-tfal sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni li tgħin lit-tfal jikkomunikaw. F’xi każijiet il-familja tissellef apparat sabiex flimkien jaraw ikunx addattat.
Li jitgħallmu jużaw apparat teknoloġiku assistiv hi xi ħaġa li dawn it-tfal ikollhom bżonn anke għal meta jikbru għax dan jista’ jkun fattur li jaffettwa l-opportunitajiet li jkolhom f’ħajjithom, inkluż opportunitajiet ta’ studju post-sekondarju u impjieg. Għalhekk hu importanti ferm li jingħataw aċċess għal din it-teknoloġija sa minn età żgħira.
Sabiex tfal jibbenifikaw mis-servizz tal-ACTU irid ikun hemm riferiment minn professjonist bħal Speech & Language Pathologist li għandu kuntatt regolari mat-tifel/tifla li qed jiġi riferut. Din il-formula ta’ riferiment tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Sapport. Wieħed irid ikun lest li jagħti sapport lit-tifel/tifla waqt il-proċess tal-assessjar kif ukoll waqt l-implimentazzjoni tal-apparat irrakommandat.
It-tim tal-ACTU jagħti rakkomandazzjoniet u sapport fuq x’apparat assistiv jista’ jkun ta’ benefiċċju għat-tifel/tifla u l-użu tiegħu. Is-servizz tal-ACTU ma jipprovdix l-apparat innifsu, però t-tim jipprovdu l-informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jibbenefika minn skemi mmexxija mill-Aġenżija stess, bħall-Empowerment Scheme u l-iskema tal-Malta Trust Foundation, li jipprovdu appoġġ finanzjarju, apparat u/jew gwida lill-persuni b’diżabilità sabiex ikunu jistgħu jixtru tagħmir li jippermettulhom li jgħixu ħajja aktar indipendenti.
Kull sena, dan it-tim iwassal numru ta’ webinars intenzjonati għal professjonisti oħra li jaħdmu fis-settur, ġenituri u studenti. It-tielet webinar għal din is-sena se jkun nhar it-2 ta’ Settembru bejn id-09:00 u l-10:15, u jiġi mwassal bl-ingliż. Dan hu webinar mingħajr ħlas iżda wieħed hu meħtieġ li jirreġistra għalih, aktar dettalji jinsabu fis-sit elettroniku ta’ Aġenzija Sapport u fuq il-paġna ta’ Facebook.
Għal aktar informazzjoni jew biex jaċċessa dawn is-servizzi, wieħed hu mitlub iċempel fuq Aġenzija Sapport Helpline – Freephone 153 (u jgħafas in-numru 5), iżur is-sit elettroniku www.sapport.gov.mt jew iċempel fuq 22568000 (Malta) jew 2156 9909 (Għawdex).
Wieħed jista’ wkoll isegwi l-midja soċjali tal-Aġenzija.
