Kull sena fis-26 t’Awwissu, il-Jum Internazzjonali tal-Klieb jiġi ċċelebrat madwar id-dinja. L-għan ta’ din il-ġurnata hu li tħeġġeġ lin-nies jadottaw minflok jixtru l-klieb. Il-ġurnata hija rikonoxxuta wkoll biex tiċċelebra l-klieb kollha, irrispettivament mill-għamla, id-daqs, u r-razza tagħhom fost oħrajn.

Il-ġurnata hija sinifikanti minħabba li hemm mijiet ta’ klieb madwar id-dinja li għandhom bżonn jiġu salvati mill-awtoritajiet lokali għaliex in-nies ma jiħdux ħsiebhom sewwa. Peress li dawn il-klieb ma jkollhomx dar, ħafna minnhom jiġu abbużati filwaqt li wħud minnhom saħansitra jiġu maqtula brutalment jew avvelenati.

Minbarra li tħeġġeġ lin-nies biex jadottaw aktar milli jixtru, din il-ġurnata tqajjem ukoll kuxjenza dwar problemi li jiffaċċjaw il-klieb. Tħeġġeġ ukoll lin-nies biex jieħdu aktar ħsieb dawn l-annimali u jagħtuhom ħajja tajba kif jixirqilhom.

Dan il-jum twaqqaf fis-sena 2004 mill-avukata tal-benesseri tal-annimali u esperta tal-istil ta’ ħajja tal-annimali, Colleen Paige. Hija wkoll konservazzjonista, trainer tal-klieb u awtriċi.

Paige stess adottat l-ewwel kelb tagħha “Sheltie” minn shelter lokali tal-annimali, meta kellha 10 snin, fil-ġurnata eżatta li jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Klieb!

Flimkien mal-Jum Internazzjonali tal-Klieb, Paige waqqfet ukoll bosta ġranet bħal dawn inklużi l-Jum Nazzjonali tal-Qtates, il-Jum Nazzjonali tal-Ġriewi u oħrajn.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks