Kif forsi ħafna minnkom drajtu issa, Staqsini u Skoprini hija r-rokna li qed tagħti ċans lilkom is-segwaċi tagħna li tistaqsu dak kollu li tridu lill-personalità favorita tagħkom! Wara, jintgħażlu l-aqwa 10 mistoqsijiet u jiġu mwieġba mill-personalità.

Tistgħu wkoll tgħidulna liema personalità tixtiequ li tkun parti minn din ir-rokna.

Angela Agius hija l-ħames personalità ta’ Staqsini u Skoprini u dawn huma r-risposti tagħha għad-domandi tagħkom:

X’memorji għandek ta’ tfulitek? – Sylvia Sultana

Jien twelidt u l-ewwel ftit snin trabbejt fid-dar tan-nanna r-Rabat. Għandi ħafna memorji u nostalġija għaliex it-tfulija kienet sempliċi imma sabiħa. Fejn trabbejt konna ftit tfal kollha tampar xulxin u allura trabbejna kollha qisna aħwa, u min jaf kemm qattajna ħin filgħaxijiet jew fi tmiem il-ġimgħa barra t-triq nilagħbu l-passju jew iż-żibeġ. Illum sfortunatament it-tfal tagħna m’għandhomx il-lussu jagħmlu dan għaliex it-teknoloġija ħadet over.

Kemm ilek fix-xandir, u x’ħajrek li tidħol f’dan il-qasam? – Tania Bartolo

Kien April tal-1978 meta bdejt bħala xandara ma’ Radju Leħen il-Ħbiberija u Solidarjetà. Fil-verità din il-karriera ġiet b’kumbinazzjoni għaliex donnha hi sabitni u mhux jien sibt lilha. Fil-fatt jien komplejt l-istudji tiegħi meta kont diġà xandara. Sinċerament ma nafx x`kont nagħmel li kieku ma ħadtx din il-karriera għaliex tant inħobb nipproduċi u nippreżenta l-programmi tar-radju u t-televiżjoni li ma nimmaġinanix nagħmel xi ħaġa differenti.

Kif tibqa’ daqshekk enerġetika u attiva? – Daniel Ellul

Naħseb il-grinta u l-imħabba li għandi għax-xogħol. Daniel, mhux dejjem inkun enerġetika ta! Għaliex jiġu mumenti meta ma nkunx mija fil-mija f`posti. Imma nirringrazzja ‘l Alla, s’issa dejjem kampajna.

X’kienet l-iktar esperjenza mbarazzanti tiegħek fuq ix-xandir? – Robert Grech

Kien hemm ftit minnhom dawn!! Forsi waħda mill-aktar tad-daħq u mbarazzanti, lura fis-snin meta is-sistema kienet kompletament differenti, it-teknoloġija ma kinitx daqshekk avvanzata u s-sistema tad-dwal kienu jiġu ssettjati ftit ħin qabel it-trassmissjoni. Kont qiegħda nippreżenta programm live u kien hemm tekniku għadu qed jirranġa d-dwal meta f’daqqa waħda nisimgħu splużjoni u ħoss qawwi minn warajja. Jien naturalment ma stajtx indur biex nara x’qed jiġri, però li ġara kien li waqgħet waħda mid-dwal eżatt warajja li ħolqot konfużjoni sħiħa. Vera li qbiżt qabża nobis on air imma komplejt qisu ma ġara xejn sakemm morna għar-riklami.

Ikollok toħroġ għall-politika, toħroġ? – Margaret Galea

Mhux il-ħsieb ta! Għandi wisq fuq il-platt. U naħseb ix-xogħol ta’ xandara jagħtini wisq sodisfazzjon.

Liema hu l-aktar suġġett li tħobb tiddiskuti? – Josette Frendo

Bla dubju s-suġġetti li niddiskuti kollha jinteressawni. Jien nagħmel ħafna riċerka biex inkun nista’ nifhem aħjar xi jkunu qed jgħidu l-professjonisti. Però żewġ suġġetti li l-aktar inħobb niddiskuti huma s-saħħa u s-servizzi soċjali, għaliex naf kemm hemm telespettaturi li jsegwu lil dawn il-professjonisti u dan jixhed ukoll l-sms’es li nirċievu mit-telespettaturi.

X’inhu s-sigriet li tibqa’ titbissem, minkejja kollox? God bless. Naħseb int ukoll ikollok ups and downs. – Carmen Pavia

Carmen, mhux l-ewwel darba li kif għidt int, ikolli ups and downs, imma emminni, meta nidħol fl-studjow nipprova nħalli kollox warajja u nikkonċentra biss fuq il-programm għaliex nemmen li it-telespettaturi għandhom ikollhom ir-rispett u l-attenzjoni kollha tiegħi. Illum il-ġurnata ħafna minn dawn it-telespettaturi saru parti integrali mill-programm.

Kif tqattagħha ġurnata d-dar? Xi pjanti għandek favoriti? – Mark Ciantar

Meta nkun id-dar inkun bħal kull mara tad-dar. Tindif, xiri, għandi żewġ qtates li huma l-għaxqa tiegħi u allura nħobb infissidhom ftit ukoll, u naturalment nqatta’ ħafna ħin mal-pjanti. Din is-sena sfortunatament kellna ħafna sħana u l-pjanti batew ħafna imma nipprova nagħtihom l-attenzjoni li jkollhom bżonn. Pjanti favoriti? Kollox. Għandi l-bejt mimli b`varjetà sħiħa ta’ pjanti. Kollox jogħġobni.

Xi tfisser il-familja għalik, u kif irnexxilek tibni karriera ta’ suċċess u fl-istess waqt iżżomm lill-familja bħala prijorità? – Ritianne Bartolo

Il-familja hija kollox għalija. Irrid ngħid li kelli ħafna sapport mill-membri tal-familja stess biex stajt inkompli bil-karriera tiegħi, speċjalment meta Lara kienet għadha żgħira. Illum l-affarijiet inbidlu iżda s-sapport ma jonqosx, speċjalment tar-raġel għaliex li niġi mix-xogħol u nsib l-ikel lest diġà hija bonus.

Kieku kellek tipprattika professjoni oħra, liema tkun u għaliex? – Doreen Zarb

Doreen, temminni li qatt ma hsibt fuqha! Għaliex bdejt f`din il-karriera minn meta spiċċajt l-iskola u għalija lanqas inqisu bħala xogħol għaliex daħlet fir-rutina tiegħi ta’ kuljum u x-xandir sar parti integrali minn ħajti. Imma min jaf? Forsi . . . . xi ħaġa marbuta mas-saħħa!

Dalwaqt inħabbru min se tkun il-personalità li jmiss li twieġeb il-mistoqsijiet tagħkom…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks