Select Page

Indur.
U nimxi.
U nimxi aktar.
U fl-aħħar sibt ruħi fi pjazza żgħira, ħelwa, b’taraġ imdawwar maż-żewġ naħat. Ħarist lejn ġenb minnhom u rajt id-duħħan ħiereġ miċ-ċumnija ta’ dar minnhom! Mela kien hawn in-nies! Għax kemm kont ilni li wasalt ma kontx iltqajt ma’ ruħ waħda!
U hekk malli kont sejra lejn dik id-dar, bil-ħsieb ewlieni jberren f’moħħi biex immur inħabbtilhom u nitlobhom xi informazzjoni, smajt leħen baxx warajja.
Għal minuta ma dortx.
Bħal inħsadt.
Ma kontx stennejt li kien hemm xi ħadd warajja!
U mbagħad dort f’salt wieħed.
U rajtu.
Raġel xwejjaħ. Wiċċ abjad mimli tikmix, ġisem imtertaq bix-xogħol, b’ħotba żgħira fuq dahru, liebes ħwejjeġ kemmxejn antiki, imma kellu l-isbaħ par għajnejn li qatt kont rajt! Kien jidher wisq qalbu tajba! Wieħed minn dawk il-persuni li malli tarah, kont tieħu grazzja miegħu. Kont tħoss li kien persuna per bene. Kont tħoss li stajt tafdah. U kellu l-isbaħ tbissima li qatt kont rajt! Għal mument stħajjiltu nannuwi li tlift daqs xi ħmistax-il sena ilu, imma li t-tbissima tiegħu tibqa’ dejjem f’qalbi. U kellu xagħru abjad qoton, mimxut lura hekk, eżatt bħal tiegħu.
“X’għandek bżonn?” staqsieni bil-lingwa tiegħu.
U mnalla kont noqgħod nara t-televixin meta kont żgħira, imnalla kont għażilt propju t-Taljan l-iskola, għax dawn in-nies għalkemm għandhom kultura sabiħa u rikka, ma jafux jitkellmu bl-Ingliż. Ejja ngħidu mhux kollha, imma ħej il-biċċa l-kbira minnhom tafx!
“Għandi bżonn…………” bdejt ngħidlu. U dak il-ħin bħal donnu leħni waqaf għax il-kelma eżatt ta’ x’inhi żarbun, kont insejtha.
Ħarist lejn saqajja u għollejtha.
Ix-xwejjaħ kompla jitbissimli u ndunajt mill-mossa li kien għamel, li kien fehem eżatt x’ridt ngħidlu.
“Żarbun. Scarpa,” qalli t-tbissima tiegħu saħansitra tikber. “Ejja, ġejt fil-post eżatt!”
U mar żewġ passi fuq in-naħa tiegħu u rajt ħanut taż-żraben warajh!

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks