Fis-sigħat bikrin tal-1 ta’ Settembru tal-1985, Robert Ballard, oċeanografu Amerikan u ġeoliku tal-baħar, irnexxielu jsib it-tifrik tal-vapur Titanic, 73 sena wara li għereq. It-tifrik kien madwar 400 mil fil-Lvant ta’ Newfoundland fit-Tramuntana tal-Atlantiku, xi 13,000 pied taħt il-baħar.

L-isforzi biex jinstab it-Titanic bdew kważi immedjatament wara li għereq iżda limitazzjonijiet tekniċi kif ukoll il-kobor immens taż-żona tat-tfittxija tal-Atlantiku tat-Tramuntana, għamluha diffiċli ħafna. L-oċeanografiku Amerikan u eks uffiċjal tan-Navy, Robert D. Ballard, li kien ibbażat mill-Istituzzjoni Oċeanografika Woods Hole f’Massachusetts, mexxa l-ewwel spedizzjoni ta’ tfittxija tiegħu fl-1977 iżda ma rnexxietx.

Fl-1985, flimkien mal-oċeanografu Franċiż Jean-Louis Michel, Ballard reġa’ telaq biex isib ir-relitt, din id-darba b’sommerġibbli sperimentali imsejjaħ l-Argo, żviluppat miln-Navy tal-Istati Uniti. L-Argo beda jivvjaġġa eżatt fuq il-qiegħ tal-oċean, bis-saħħa t’hekk huma setgħu jaraw ritratti ta’ minn fejn kien għaddej.

Filgħodu kmieni fl-1 ta’ Settembru, f’daqqa waħda l-Argo għadda minn fuq waħda mill-bojlers massivi tat-Titanic, li kienet tinsab f’fond ta’ madwar 13,000 pied.

L-għada, fil-viċin ġie skopert il-kumplament tal-vapur. Kien maqsum fi tnejn, iżda ħafna mill-karatteristiċi u l-interjuri tiegħu kienu ppreservati tajjeb ħafna. Mijiet ta’ eluf ta’ biċċiet ta’ debris kienu mxerrda f’raġġ ta’ 2 mili kwadri madwar il-vapur. Ir-relitt kompla jiġi esplorat u tefa’ dawl ġdid fuq id-dettalji tal-għaraq tiegħu fl-1912.

Minn dakinhar, it-Titanic baqa’ jiġi esplorat b’mod regolari u nstabu eluf ta’ artifatti li ġew irkuprati. Ballard, li ġie meqjus bħala eroj wara din l-iskoperta, mexxa diversi spedizzjonjiet importanti ta’ tfittxija, inklużi l-RMS Lusitania u l-USS Yorktown.

Fatt interessanti huwa li, kien madwar 14-il sena ilu biss li Robert Ballard żvela li kien hu li sab ir-relitt tat-Titanic. Possibilment ir-raġuni hija għaliex din l-iskoperta kienet ġejja minn investigazzjoni sigrieta tan-Navy tal-Istati Uniti ta’ żewġ sottomarini nukleari mġarrfa.

Informazzjoni li ħarġet proprju madwar xahrejn ilu kkonfermat li Titanic qiegħed bil-mod jisparixxi. Il-fdalijiet qed jiġu affettwati minn kurrenti tal-baħar fond u batterji li jikkunsmaw ammont kbir ta’ ħadid kuljum. Xi wħud bassru li l-vapur jista’ jisparixxi f’għexieren ta’ snin.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks