L-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà u l-ħajja ta’ kuljum tapplika għall-aspetti kollha tal-ħajja. Minn opportunitajiet ta’ sports, attivitajiet soċjali, divertiment, u l-aspett edukattiv. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar nisimgħu dwar il-kontribut u l-involviment tal-persuni b’diżabilità fil-qasam tax-xogħol. Dan hu aspett importanti ferm għax permezz tax-xogħol, il-persuni b’diżabilità jkunu qed jikkontribwixxu mhux biss billi japplikaw l-abilitajiet tagħhom iżda wkoll ikunu qed jagħtu lura lis-soċjetà permezz tal-ħidma tagħhom. Fuq kollox, li persuna b’diżabilità jkollha opportunità li taħdem, tkun qed teżerċita d-dritt tagħha għal impjieg.

X’jista’ jgħin fl-inklużjoni?

Biex persuna b’diżabilità tasal għal impjieg u esperjenza sostenibbli fil-qasam tax-xogħol, wieħed irid jibda mill-aċċess għal edukazzjoni u opportunitajiet ta’ taħriġ li huma msejsa sabiex itejbu l-abilitajiet tal-persuna u jgħinuha tgħix ħajja aktar indipendenti.

It-taħriġ hu għodda importanti mhux biss għall-persuni b’diżabilità iżda wkoll għal min iħaddem u għall-familjari tal-istess persuni b’diżabilità. Dan għaliex hu importanti li dawn ukoll jifhmu l-importanza u l-valur tax-xogħol għall-persuna b’diżabilità, kif jistgħu jinkoraġġuha tipparteċipa b’mod attiv u kif jistgħu jagħmlu l-ambjent tax-xogħol aktar aċċessibbli.

INK – Proġett ta’ Inklużjoni

Aġenzija Sapport tmexxi l-proġett INK – msemmi fil-qasir għal inklużjoni, u huwa mmirat sabiex jassisti persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan il-proġett hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Soċjali Ewropew.

Il-proġett hu wieħed olistiku u jservi sabiex ikunu mħarrġa mhux biss persuni b’diżabilità, iżda anke l-ġenituri tagħhom, min iħaddem, u professjonisti fl-istess qasam. Dan it-taħriġ jingħata fuq numru ta’ sessjonijiet pjanati li jgħinu lill-persuni b’diżabilità jintegraw fid-dinja tax-xogħol.

Sapport lill-ġenituri

Mill-proġett rajna numru kbir ta’ persuni b’diżabilità li qatt ma ħadmu qabel, u b’hekk din it-tranżizzjoni għad-dinja tax-xogħol tkun ġdida mhux biss għalihom imma wkoll għall-ġenituri li jkollhom jaslu jaċċettaw li t-tfal tagħhom ikunu iktar independenti.

Waqt is-sessjonijiet imwassla lill-ġenituri jiġi diskuss kif jistgħu jkunu ta’ għajnuna u gwida għal uliedhom b’diżabilità, waqt li jiġu trattati wkoll diffikultajiet u tħassib li jaqsmu l-ġenituri nfushom. Meta l-ġenituri ltaqgħu għal dawn is-sessjonijiet u qasmu flimkien l-esperjenzi u l-isfidi tagħhom, dan kien ta’ opportunità fejn setgħu anke jagħtu sapport lil xulxin.

Jiġu diskussi wkoll aspetti ta’ kommunikazzjoni, kif ukoll is-suġġett ta’ stress u burnout. Din is-sessjoni hija interessanti ħafna, u tgħin lil-ġenituri/kuraturi jgħarfu sintomi ta’ stress u x’jistgħu jagħmlu biex inaqqsuh jew jikkontrollawh.

Esperjenza ta’ ġenitur

Is-sessjonijiet kienu mqassmin sew u ġew diskussi u identifikati d-diffikultajiet li jaffaċċjaw persuni b’diżabilità waqt li jkunu qed ifittxu xogħol u l-effett li dan kollu jħalli fuq il-familjari, kif ukoll il-benefiċċji ta’ proġetti nazzjonali li jagħtu sostenn lill-persuni b’diżabilità sabiex isibu u jżommu impjieg.

Applikazzjonijiet għal taħriġ

Is-sessjonijiet ta’ INK huma b’xejn għall-parteċipanti, is-sessjonijeit li jmiss immirati lejn ġenituri ta’ persuni b’diżabilità ser isiru nhar it-Tnejn 6 u t-Tlieta 7 ta’ Settembru bejn id-09:00 u l-12:00.

Post: Aġenzija Sapport, Triq il-Ħarrub, Santa Venera.

Applikazzjoni: Min hu interessat li jattendi dawn is-sessjonijiet, jista’ jibgħat email fuq prisms.malta@gmail.com jew permezz ta’ messaġġ fuq il-paġna ta’ Facebook INKprojectmalta.

INK: proġett tal-EU parzjalment iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew 2014 – 2020

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks