Illum bdejna xahar ġdid, ix-xahar ta’ Settembru. Bosta jaraw dan ix-xahar bħala żmien tas-sena pjaċevoli ħafna.

Minkejja li f’Malta, Settembru nassoċjawh mar-riħ isfel li qed nesperjenzaw partikolarment matul dawn l-aħħar snin, normalment huwa x-xahar fejn fl-emisfera tat-Tramuntana, it-temp jibda jċedi ftit, u filwaqt li matul il-ġurnata tkun għadha s-sħana iżda l-iljieli jibdew ikunu aktar friski, b’dik iż-żiffa ħelwa ħelwa.

Settembru huwa wkoll żmien sabiħ fl-emisfera tan-Nofsinhar, speċjalment għal dawk li ma jħobbux ix-Xitwa għaliex il-ġranet xitwija jkunu waslu fi tmiemhom u jkun żmien tajjeb biex wieħed joħroġ barra u japprezza l-ewwel fjuri tar-rebbiegħa.

Bħal kull xahar ieħor, hemm diversi kurżitajiet u fatti interessanti x’niskopru dwar Settembru kif ukoll l-oriġini tiegħu..

Oriġinarjament Settembru kien is-seba’ xahar tal-kalendarju Ruman tal-qedem, u għalhekk kien imsemmi Septem, li tfisser is-seba’ xahar. Kien biss fl-451 QK li x-xhur ta’ Jannar u Frar ġew miżjuda mal-kalendarju, u b’hekk Settembru ġie d-disa’ xahar.

Settembru wkoll kellu 29 jum biss. Grazzi għar-riforma ta’ Ġulju Ċesari tal-kalendarju Ruman fis-46 QK li żdiedet ġurnata oħra f’dan ix-xahar.

Ir-Rumani kienu jassoċjaw xhur differenti ma’ allat differenti. Ix-xahar ta’ Settembru kien assoċjat ma’ Vulcan, l-alla Ruman tan-nar, possibilment minħabba li kien xahar sħun ħafna meta kien is-seba’ xahar tas-sena.

Fis-sena 1752, l-Imperu Brittaniku qabeż 11-il jum ta’ Settembru, bejn it-2 u l-14. Dan fil-fatt kien minħabba bidla oħra fil-kalendarju, għalkemm din id-darba kien meta l-Imperu Ingliż inbidel mill-kalendarju Ġiljan għal dak Gregorjan..

Lura fi żmien l-Anglo-Sassoni, Settembru kien jissejjaħ Gerst Monath, li jfisser “ix-xahar tax-xgħir”. Ingħata dan l-isem minħabba li kien iż-żmien tas-sena li kien isir il-ħsad tax-xgħir, u kien żmien speċjali wkoll minħabba li kienu għamlu xarba popolari minnu.

L-Anglo-Sassoni kellhom ukoll isem ieħor għal Settembru, li kien Haefest Monath. Din hija partikolarment interessanti peress li tfisser “ix-xahar tal-ħsad”, u l-użu modern tagħna tal-kelma harvest toriġina minn dan l-isem.

L-1 ta’ Settembru tal-1939, kienet ġurnata sewda għad-dinja. Kien f’dan il-jum li Hitler invada l-Polonja, konsegwentament beda Tieni Gwerra Dinjija.

L-istess kien il-jum tal-11 ta’ Settembru tal-2001. Il-ġurnata tat-traġedja fatali li xxukkjat id-dinja. Kien f’din il-ġurnata li seħħ l-agħar attakk terroristiku fuq l-art Amerikana, meta erba’ linji tal-ajru kummerċjali ġew maħtufa. Tnejn mill-ajruplani ttajru dritt fit-Twin Towers taċ-Ċentru tal-Kummerċ Dinji, u ieħor iġġarraf fil-Pentagon. Ir-raba’ ajruplan niżel f’għalqa f’Pennsylvania wara li l-passiġġieri tat-titjira ppruvaw jerġgħu jiksbu l-kontroll tal-ajruplan mit-terroristi.

Settembru jibda fl-istess jum tal-ġimgħa ta’ xahar ieħor biss, Diċembru.

Is-17 ta’ Settembru huwa jum importanti ħafna għall-Istati Uniti, peress li kien f’dan il-jum fl-1787 li ġiet adottata l-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti. Kieku ma kienx għall-Kostituzzjoni, l-Istati Uniti seta’ jkun pajjiż inkredibilment differenti llum, b’ħafna inqas libertajiet ċivili.

Filwaqt li jibda fl-istess ġurnata tal-ġimgħa ta’ Diċembru, l-aħħar ġurnata tal-ġimgħa tax-xahar tkun għall-ebda xahar ieħor.

Settembru għandu żewġ tipi ta’ fjuri assoċjati miegħu li huma, l-aster u l-morning glory. Is-sinifikat taż-żewġ fjuri huwa fil-fatt simili ħafna, bl-aster jingħad li tirrappreżenta l-imħabba, filwaqt li l-morning glory tirrappreżenta l-affezzjoni.

It-2 ta’ Settembru tal-1666 kien żmien terribbli għall-belt ta’ Londra, nar qawwi ħakem fis-sezzjoni l-antika tal-belt, u qered għal kollox kull ma mess fil-ħitan Ruman tal-qedem. L-iktar sorprendenti dwar din it-traġedja hija li kien hemm biss 6 imwiet irreġistrati!

Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi fl-emisfera tat-Tramuntana, Settembru huwa x-xahar li fih l-istudenti jibdew sena skolastika ġdida.

L-ewwel gazzetta li qatt ġiet stampata fl-Istati Uniti ġiet ippubblikata fil-25 ta’ Settembru tal-1690. Il-gazzetta kienet tissejjaħ Publick Occurrences Both Foreign and Domestick u ġiet ippubblikata f’Boston. Ma tantx damet wisq għaliex l-Ingliżi kienu qed jiddejqu bil-kontenut tagħha u waqqfuha mill-ewwel.

Fit-30 ta’ Settembru tal-1955, l-ikona kulturali Amerikan u l-istilla tal-films famużi, James Dean tilef ħajtu f’ħabta ta’ karozza f’Kalifornja fl-età ta’ 24 sena. Filwaqt li l-karriera tiegħu ta’ attur kienet qasira wisq, huwa għadu meqjus bħala attur inkredibilment influwenti, speċjalment għar-rwol tiegħu f’Rebel Without a Cause.

Bħal kull xahar, hemm diversi persuni famużi li twieldu f’dan ix-xahar, fosthom l-atturi Colin Firth u Bill Murray, il-kantanta Beyoncé u l-leġġenda tal-Queen Freddy Mercury.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks