Ir-rapper lokali Matthew Attard, magħruf bħala Il-Kalakku għadu kemm iniedi kanzunetta sentimentali, miktuba minnu stess, iddedikata lin-nanna tiegħu li tilef proprju sena ilu.

Matthew qalilna li matul il-karriera mużikali tiegħu bħala rapper, dejjem kiteb kanzunetti dwar ġrajjiet kurrenti, esperjenzi personali u sitwazzjonijiet li jgħaddi minnhom kulħadd. Huwa jgħid li l-għan tiegħu huwa li permezz tal-mużika rap jagħti viżi lil min m’għandux.

Wara li sena ilu tilef lin-nanna tiegħu Rita, li huwa jqis bħala pilastru importanti f’ħajtu, iddeċieda li kien imiss li jiddedika kanzunetta għaliha.

Flimkien mal-kantanta Esther Spiteri, permezz ta’ din il-kanzunetta qed iwasslu messaġġ importanti dwar l-imħabba tan-nanniet u li bħalhom ma nsibu mkien. Il-messaġġ ifakkar ukoll li bħal kulħadd, huma qegħdin f’din id-dinja b’ħin misluf.

“Dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr il-produttur tiegħi Rikki Lee Scicluna minn Gilkicker Music u Marlon Polidano għall-filmat, minn hawn ngħidilhom grazzi kbira. Finalment l-akbar grazzi tmur għall-mixja u s-segwaċi li dejjem jagħtuni widen.” jgħidilna Matthew.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks