Lanqas flaħt nirringrazzjah biżżejjed! U toqgħod tqis ukoll li sid il-ħanut kien propju hu!
Għalkemm kellu xi żraben li ma tantx niżluli għax dehru kemmxejn antiki, sibt żarbun eżatt kif xtaqtu u tat-talja tiegħi wkoll!
Irringrazzjajtu mill-qalb, ilbistu, ħallejtlu l-qadim li kelli f’saqajja u tlaqt ‘il barra ferħana se ntir!
Kont sibt ħanut eżatt kif ridt f’dan ir-raħal ċkejken, hekk malli kont kważi qtajt qalbi!
U mort fejn il-kumplament tal-grupp li kont magħhom, urejthom iż-żarbun is-sabiħ li kont xtrajt bi ftit flus u komplejna nduru mar-raħal sabiħ flimkien.
Dik is-serata għaddejniha f’ħanut li kellu dehra ta’ ristorant, imma li donnu ma kienx ristorant. Ma kellux lista ta’ x’ikel joffru. Ma kellu xejn. Ġiet mara mbaċċa tistaqsina x’ridna nieklu, ħadet nota u marret tgħid lil kok x’ridna!
Qatt ma kont ġejt f’raħal hekk! Donnu hawn, kien kollox differenti!
Kilna ikla prima. U xrobna l-inbid magħsur minn dawn in-nies stess, bit-togħma tal-għenba ddub ġo ħalqek, tħallilek rieq tajjeb f’ħalqek u għatx għal iżjed minnu. U hekk malli konna lesti, jien ħassejtni b’żaqqi mimlija bil-laħam ta’ ħanżir selvaġġ, għax hekk kont ordnajt u ma kien iddispjaċieni xejn, staqsewni jekk kellix aptit immur passiġġata magħhom.
U jien aċċettajt!
Għala le?
Konna hawn għal ġurnata waħda, kont ma’ kumpanija sabiħa, f’post sabiħ, xi tkun trid iżjed, ħlief li tara aktar minn dan il-post?
U mxejna matul dawn it-toroq sbieħ, imserrpin fuq din il-muntanja, nistagħġbu bis-sbuħija tagħha.
Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Avukata u Awtriċi