Select Page

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret aktar kmieni llum, bl-approvazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana ħabbret aġġornament tal-protokolli relatati mal-ftuħ tas-sena skolastika.

Uħud mill-protokolli aġġornati huma:

  • Għal dawk il-klassijiet (sena 8 u inqas), fejn l-età tal-istudenti ma tippermettix li jieħdu l-vaċċin, se tinżamm id-distanza soċjali ta’ metru u nofs bejn id-desks tal-istudenti.
  • Riżultat tal-effett protettiv tal-vaċċin, id-distanza fiżika bejn id-desks tal-istudenti fil-klassi għas-sena 9 u ’l fuq tista’ tinżel għal metru – hawnhekk l-iskejjel konċernati jistgħu jħallu distanza ta’ metru u nofs fejn din hija fattibbli.
  • Se jkunu permessi lezzjonijiet ta’ prattika fil-laboratorji; jistgħu jsiru lezzjonijiet ta’ prattika magħrufa bħala fieldwork; jistgħu jsiru attivitajiet tal-edukazzjoni fiżika; jistgħu jsiru avvenimenti speċjali u soċjali – pereżempju: ċelebrazzjoni ta’ għeluq snin student; f’dawn kollha jrid ikun rispettat il-prinċipju tal-gruppi – dik li hija magħrufa bħala l-bubble tal-istudenti u wkoll il-protokolli marbuta mal-prevenzjoni tat-tixrid tal-COVID.
  • Fil-każ ta’ apparat waqt l-edukazzjoni fiżika kif ukoll waqt lezzjonijiet ta’ prattika fil-laboratorji, l-apparat li jintuża jrid ikun sanitizzat b’mod regolari.
  • Jistgħu jiftħu wkoll it-tuck shops imma li jistgħu joffru biss affarijiet li jkunu ppakkjati minn qabel.
  • Fil-bidu tas-sena skolastika, il-ġenituri jew il-kustodji tal-istudenti mhux se jitħallew jidħlu għal attivitajiet jew għal avvenimenti fl-iskejjel. Din tista’ tinbidel matul is-sena skolastika u tiddependi fuq it-tnaqqis ta’ aktar miżuri preventivi għat-tixrid tal-pandemija kif maħruġa perjodikament mill-awtoritajiet tas-saħħa.
  • Il-maskra trid tibqa’ tintlibes il-ħin kollu.
  • Fil-każ ta’ kindergarten assistants u LSEs, dawn qed jingħataw il-parir li jilbsu kemm maskra kif ukoll visor.
  • School assemblies okkażjonali u li huma essenzjali jistgħu jsiru sakemm tiġi miżmuma d-distanza soċjali u l-prinċipju tal-bubble.
  • F’dawk il-każi fejn ikun hemm bżonn ta’ kwarantina, il-protokolli kollha li jkunu fis-seħħ għall-pubbliku inġenerali kif maħruġa mill-awtoritajiet tas-sa​ħħa se jkunu japplikaw ukoll għas-settur edukattiv. Dan japplika wkoll għall-protokolli applikabbli għall-adozzjoni ta’ perjodu mqassar ta’ kwarantina ovvjament għal min huwa mlaqqam.

Dwar iċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni, il-Ministru Caruana qalet li bħalissa qed isiru taħdidiet bejn l-istituzzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni terzjarja u l-awtoritajiet tas-saħħa li għandhom iwasslu għal qbil kif dawn iċ-ċerimonji jistgħu possibbilment isiru.

Żiedet tgħid ukoll li l-ministeru qed jagħmel ukoll aktar studji biex jara liema miżuri jistgħu jiddaħħlu ħalli tittaffa n-nuqqas ta’ esperjenza fiżika ta’ tagħlim li kellhom l-istudenti.

Hawnhekk tistgħu ssibu l-lista sħiħa tal-protokolli: Mandatory Standards and Guidances (gov.mt)

Dawk il-protokolli li ma jissemmewx ifisser li s’issa għadhom fis-seħħ bħal qabel.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks