Select Page

It-tipjip dejjem ipoġġi lill-ġisem f’riskji ta’ kumplikazzjonijiet fis-sistemi kardjovaskulari, respiratorji, renali u immunitarja. Għaldaqstant, wieħed għandu jibda t-triq sabiex jieqaf ipejjep mill-aktar fis possibbli.

L-ewwel ħaġa li wieħed għandu jżomm f’moħħu huwa li jrid ikollu pjan imfassal quddiemu ta’ kif beħsiebu jaqta’ l-vizzju tat-tipjip, li primarjament jikkaġuna wkoll dipendenza tal-ġisem fuq in-nikotina. Għalhekk, qabel ma wieħed jibda din it-triq, għandu dejjem jikkonsulta mat-tabib tiegħu, fuq metodi alternattivi li jistgħu jgħinuh biex jitnaqqsu l-effetti tal-“withdrawal” minn din l-“addiction”; bhall-uġigħ ta’ ras, nuqqas ta’ enerġija, nervi u tibdil fil-burdata. Huwa importanti wkoll li wieħed jixrob ilma spiss, inaqqas l-alkoħol, u jiekol ikel bnin.

Il-“counselling”, jew in-“nicotine replacement therapy” jistgħu jgħinu biex wieħed ikun jista’ jnaqqas il-kilba li kultant żmien ikollu sabiex jerġa’ jibda jpejjep. Għal riżultati aħjar, huwa wkoll rakkomandat li wieħed jibda jnaqqas ftit ftit l-ammont ta’ sigaretti li jpejjep kuljum, minflok jaqta’ kollox ħesrem. Wieħed għandu wkoll jevita li jmur f’postijiet, jew ikun parti minn klikek fejn it-tipjip jintuża bħala mezz ta’ soċjalizzazzjoni.

Huwa fatt magħruf li waħda mir-raġunijiet għaliex wieħed ipejjep huwa sabiex jibbenifika mill-effett ta’ rilassament li ġġib magħha n-nikotina. Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed ifittex ukoll metodi alternattivi, jew passatempi varji sabiex ikun jista’ jirrilassa, bħall-qari, l-eżerċizzju, jew il-mużika.

Ħaġa oħra li tikkaġuna l-leblieba hija li wieħed jaf xorta jkun jixtieq xi ħaġa f’ħalqu, jew inkella li jagħmel movimenti simili b’idejh li qabel kien dara jagħmel biex jixgħel is-sigarett. Iċ-“chewing gum”, jew tipi ta’ “snacks” żgħar oħra, li jirrikjedu li tqaxxarhom qabel ma’ tiekolhom, bħall-ġewż/lewż, jew li tixrob minn tazza bi “straw”, jafu jgħinu f’dan ir-rigward. Ċerti krafts li jsiru bl-idejn, bħan-“knitting” jafu wkoll ikunu ta’ għajnuna kbira.

Nafu wkoll li t-tipjip huwa assoċjat ma’ avvenimenti oħra bażiċi li jsiru f’kull ġurnata, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, bħat-tipjip waqt il-kolazzjon ma’ xi tazza kafe’, jew inkella wara l-ikel. Allura, huwa importanti wkoll li ssibu alternattivi oħra biex timlew il-ħin li s-soltu kontu tqattgħuh biex tpejpu waqt dawn it-“triggers”, bħal pereżempju, li taħsel snienek, jew tibgħat SMS/email minflok tqabbad sigarett. Ħaġa oħra li taf tgħin hija li tnaddaf id-dar u l-karozza sew ħalli tnaqqas l-odor ta’ sigaretti li jaf iktar iżżid il-leblieba, u tiżbarazza postijiet oħra fejn qabel kont imdorri tpejjep, mill-“lighters” u mill-“ashtrays”.

Huwa importanti ferm li wieħed jiftakar illi biex jara kambjament il-quddiem, irid jagħmel ħafna bidliet żgħar f’ħajtu. Is-sagrifiċċju dejjem irid ikun, però huwa tajjeb li wieħed jippremja lilu nnifsu meta jkun laħaq ir-riżultat li jkun ilu jixtieq.

Naħseb li huwa importanti ħafna li wieħed ikun motivat sabiex ikompli t-triq sal-aħħar; ħalli jaqta’ kompletament il-vizzju qerriedi tat-tipjip. Ngħiduha kif inhi, xi minn daqqiet, din il-mixja jaf tkun twila, u mhux faċli. Però, jekk ma tagħmel l-ebda bidla mhux se tikseb l-ebda riżultati. Għalhekk, hu importanti ħafna li ma taqta’ qalbek qatt.

Fl-aħħar mill-aħħar, huwa ta’ ġid li wieħed jiddeċiedi li jieħu l-ewwel pass sabiex jaqta’ dan il-vizzju, meta tqis li huwa fatt magħruf li r-rata tal-qalb, tiġi għan-normal sa kwarta biss wara li wieħed ikun pejjep l-aħħar sigarett. Filwaqt li sa sena biss wara li wieħed jieqaf ipejjep, ir-riskju li jaqbdu attakk tal-qalb, jonqos bin-nofs. Madanakollu, huwa meta jkunu għaddew 10 snin mill-waqfien tat-tipjip li wieħed inaqqas totalment ir-riskju ta’ mard kardjovaskulari, jiġifieri, qisu qatt ma kien pejjep f’ħajtu.

Huwa vitali wkoll li wieħed jiftakar li din hija mixja, li se jkun fiha kemm tlajja’ u kemm nzul. Però qatt mhu tard biex tieqaf tpejjep! Għaldaqstant, biex wieħed forsi jrabbi dak id-daqsxejn iktar kuraġġ u kunfidenza fih innifsu, ikun ideali li jfittex wkoll l-għajnuna professjonali ta’ “smoking cessation therapist” u kif wkoll is-sapport ta’ ħbieb tal-qalb, u membri tal-familja.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook:×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks