Select Page

Meta ġenituri jisseparaw, importanti ħafna li nagħtu l-attenzjoni u s-sapport meħtieġ lit-tfal affettwati. Meta ngħid separazzjoni ma nfissirx biss dik legali. Qed nirreferi anke għal ġenituri li qatt ma kienu miżżewġin, u issa m’għadhomx flimkien.

Ir-riċerka turi li mhux is-separazzjoni li tikkawża problemi kbar fit-tfal però l-kunflitti u l-ġlied bejn il-ġenituri qabel, waqt u wara is-separazzjoni. Saru separazzjonijiet u divorzji li ma affettwawx lit-tfal b’mod trawmatiku. Mhux qed ngħid li m’affettwaw lit-tfal xejn li l-ġenituri jisseparaw, però ħafna drabi, jekk ma jkunx hemm ġlied, akkużi u attakki fuq xulxin, it-tfal pjuttost jafu jmexxu, jekk ikollhom is-sapport li għandhom bżonn.

It-tfal jirreaġixxu b’modijiet differenti għas-separazzjoni tal-ġenituri tagħhom. Hawn min ma jkunx jista’ jemmen dak li jkun qed jiġri, hawn min jinkwieta fuq min ħa jieħu ħsiebhom, hemm min jinkwieta li ħa jiġi abbandunat, hemm tfal li jkunu jridu jafu kull ma qed jiġri, hemm min ikun irrabjat u hemm min ma jkunx jista’ jiffoka. Hemm tfal li jimmaturaw ħafna f’daqqa, waqt li hemm min imur lura fil maturità. Hemm tfal li jwaħħlu fihom infushom u jgħidu li s-separazzjoni t-tort tagħhom. Hemm ukoll tfal li jżommu ma’ ġenitur minnhom u jinjoraw lill-ġenitur l-ieħor.

Dawn huma kollha reazzjonijiet ta’ tfal li jridu jadattaw għal ħajja differenti. L-iktar ħaġa importanti hi li l-ġenituri jiftakru li huma l-adulti fis-sitwazzjoni u jridu jimxu bil-maturità.

X’tista’ tagħmel bħala ġenitur biex tgħin lil uliedek f’dawn iż-żminijiet diffiċli?

  • Oħloq atmosfera fejn it-tfal iħossuhom komdi jitkellmu fuq dak li qed iħossu. Ismagħhom, serħilhom moħħhom li dak li ġara mhux it-tort tagħhom.
  • Qatt tgħidilhom kontra l-ġenitur l-ieħor. Meta tgħid lit-tfal kontra l-ġenitur l-ieħor, it-tfal jafu jaħsbu li jridu jagħżlu lil xi ħadd minnkom. Ħafna drabi, it-tfal iħobbukom it-tnejn. Għid ukoll lill-familja u l-ħbieb tiegħek biex ma jitkellmux kontra l-ġenitur l-ieħor quddiem it-tfal.
  • Xi ħaġa importanti ħafna hi li, fejn hu possibbli, il-ġenituri jikkomunikaw bejniethom u mhux permezz tat tfal. It-tfal mhumiex hemm biex ikunu messaġġieri.
  • Importanti wkoll li t-tfal ngħidulhom dak li għandhom bżonn ikunu jafu. Ngħidulhom biss l-affarijiet li ħa jagħmlulhom ġid, u li huma neċessarji li jkunu jafu.
  • Għinhom jibku t-telfa. Is-separazzjoni u d-divorzju hija telfa għat-tfal tagħkom, bħal ma hija telfa għalikom. Isimgħuhom, empatizzaw magħhom, ħalluhom ikunu onesti. Ħafna drabi, it-tfal jibżgħu jgħidu dak li jħossu għax jibżgħu li jweġġgħu lill-ġenituri tagħhom.
  • Tiżvugax mat-tfal. Jaf tkun diffiċli ħafna għat-tfal li jisimgħu d-dwejjaq u r-rabja tiegħek.
  • Jekk it-tfal ħa jqattgħu ħin fid-djar taż-żewġ ġenituri, importanti li bħala dixxiplina timxu id f’id. Jekk ma’ ġenitur, it-tfal jistgħu jagħmlu ħaġa, imbagħad ma’ ġenitur ieħor ma jistgħux (eż. ma ġenitur jistgħu joqgħodu fuq it-tablet il-ħin kollu, u ma’ l-ieħor ikollhom ħin qasir) dan jaf iħawwad it-tfal. Iddeċiedu r-regoli flimkien – ħin għal HW, ħin għall-irqad, ħin għat-teknoloġija eċċ. Pruvaw kunu konsistenti bejnietkom.

L-iktar ħaġa importanti hi li int bħala ġenitur tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Agħti lilek innifsek ħin, spazju u ċans tipproċessa is-sitwazzjoni. Ara li jkollok lil xi ħadd ma’ min titkellem u li tqatta’ ħin tagħmel affarijiet li jagħmluk kuntent.

Importanti li niftakru wkoll li hawn ħafna każijiet li mhux possibbli li jsiru xi affarijiet li għidt, bħal każijiet ta’ vjolenza domestika. Dejjem imxu mal-pariri tal-avukati tagħkom, u jekk tħossu l-bżonn li intom jew it-tfal tkellmu lil xi ħadd, duru għall-għajnuna professjonali.

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks