Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, kull sena, aktar minn 703,000 persuna madwar id-dinja kollha, ittemm ħajjitha. Dan ifisser li kull 40 sekonda, persuna twettaq suwiċidju.

Is-suwiċidju huwa tħassib dinji u kwistjoni ewlenija ta’ saħħa pubblika f’kull pajjiż, madanakollu, is-suwiċidji jistgħu jiġu evitati.

Il-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju jiġi osservat fl-10 ta’ Settembru ta’ kull sena. L-għan ta’ dan il-jum huwa li jippromwovi impenn globali għall-prevenzoni tas-suwiċidju.

Nistgħu nipprevjenu s-suwiċidju billi naqsmu l-istejjer tas-saħħa mentali tagħna, inqajmu kuxjenza, u nieħdu azzjoni fil-komunitajiet tagħna. Dan il-kunċett huwa msaħħaħ permezz tal-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, li jipprovdi attivitajiet, informazzjoni u miżuri konkreti.

Dan il-jum ġie stabbilit fl-2003 mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju (IASP) li twaqqfet fi Vjenna fl-1960 mill-Professur Erwin Ringel u Dr Norman Faberlow u ko-sponsorjat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. L-IASP issa hija magħmula minn 77 nazzjon differenti. Hija organizzazzjoni mhux governattiva ddedikata għall prevenzjoni tas-suwiċidju.

L-intenzjoni primarja kienet li xxerred il-kelma li s-suwiċidju jista’ jiġi evitat. Il-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, min-naħa l-oħra, żviluppa u ddiversifika l-messaġġi tiegħu matul is-snin biex jinkludi diversi temi.

It-tema ta’ din is-sena għall-Jum Dinji għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju hija Noħolqu Tama permezz ta’ Azzjoni. Matul l-iktar mumenti mudlama ta’ persuna, it-tama tista’ tipprovdi s-saħħa għall-ġlieda. Azzjonijiet biex tinħoloq it-tama jistgħu jkunu differenti fi rwoli differenti, jista’ jkun fir-rwol ta’ għalliem, ġenituri, ħabib u aktar. Il-prevenzjoni ta’ suwiċidju ħafna drabi hija possibbli, sakemm ikun hemm is-sapport.

It-tema Noħolqu Tama permezz ta’ Azzjoni hija tfakkira li hemm modi alternattivi għas-suwiċidju, għandha l-għan li toħloq tama u kunfidenza lil dawk li qed jiffaċċjaw ħsibijiet ta’ suwiċidju.

Il-pandemija tal-Covid-19 żiedet is-sentimenti ta’ iżolament u ħsibijiet ta’ suwiċidju. Għalkemm ħsibijiet ta’ suwiċidju huma kumplessi ħafna imma sensazzjoni ta’ mħabba u sapport tista’ toħloq tama u tipprevjeni suwiċidji.

Huwa kritiku li tifhem is-sinjali u l-fatturi ta’ riskju għal suwiċidju. Pass ċkejken li jittieħed minna lkoll jista’ jagħmel differenza kbira.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks