Select Page

Nitkellmu ma’ Noel u Chris Vella Galea, koppja li konna tkellimna magħhom ftit xhur ilu wara l-ewwel adozzjoni tagħhom.

Illum, ġimgħatejn wara li ġew lura mill-Portugall, jitkellmu magħna dwar it-tieni adozzjoni tagħhom. Noel u Chris issa ġenituri ta’ Daniel u Santiago.

Noel u Chris, l-aħħar li tkellimna, diġà kellkom ħsieb għall-possibilità li tadottaw għat-tieni darba, iżda meta kien il-mument li kontu ċerti minn dan il-pass?

Noel u Chris: Hekk hu, l-aħħar li tkellimna għall-ħabta ta’ Novembru tas-sena l-oħra konna diġà bil-ħsieb li nidħlu fi proċess ieħor ta’ adozzjoni. Waħda mir-raġunijiet kienet li matul iż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19, speċjalment meta konna nkunu d-dar ma’ Daniel, indunajna li Daniel għandu bżonn kumpanija ta’ tifel ieħor fil-ħajja ta’ kuljum. Raġuni oħra kienet li Daniel diġà kellu ħutu oħra ikbar minnu li dawn kienu diġà adottati wkoll u ovvjament kien hemm mumenti fil-ħajja le waqt li konna nkunu qed nitkellmu miegħu kien isemmihom għalkemm kien rahom biss meta kien għad kellu biss 4 snin.

X’kienu l-ewwel reazzjonijiet tagħkom kif sirtu tafu li t-tieni tifel tagħkom se jkun Santiago?

Noel u Chris: Ovvjament bħal m’għidna kemm-il darba fuq il-mezzi tal-midja soċjali, il-proċess ta’ adozzjoni li jinkludi għażla ta’ tifel jew tifla ma jkunx faċli li tgħid dak jew dik ħa jkunu finalment it-tifel jew tifla tiegħi li għażilt. Hemm proċess twil ta’ skrutinju u analiżi minn nies professjonali sabiex jistabilixxi jekk il-persuna jew il-koppja jikkwalifikawx li huma kapaċi li jrabbu it-tfal. Dan jgħidulu l-‘matching process’. Ovvjament meta rajna profili ta’ tfal oħra li qegħdin jistennew għall-adozzjoni aħna rajna l-kundizzjoni li għandu Santiago, tkellimna ma’ nies professjonali hawn Malta sabiex naraw x’riżorsi għandna hawn Malta bħala saħħa kif ukoll edukazzjoni. Meta konna deċiżi, aħna urejna x-xewqa li nibdew il-proċess ta’ adozzjoni għal Santiago. Ir-reazzjoni tagħna kienet bħal ma kienet meta konna nafu li se nadottaw lil Daniel, mument sabiħ ħafna mimli emozzjonijiet u ħassejna li huwa t-tifel ideali li jista’ jintegra fil-familja tagħna.

Minkejja l-pandemija u kull sfida li stajtu tiffaċċjaw, irnexxilkom twettqu dan il-pass tant importanti għalikom. Xi jfisser għalikom li erġajtu għaddejtu minn esperjenza bħal din għat-tieni darba?

Noel u Chris: Hekk hu, il-pandemija tatna ħafna sfidi kemm hawn Malta kif ukoll meta konna l-Portugall biex niffinalizzaw l-adozzjoni.. Kien hemm ħafna sfidi ta’ dewmien u tbatija però aħna bħala familja żammejna sodi u rnexxielna nirbħu kull ostaklu li ffaċċjajna.

Li għaddejna mill-istess esperjenza għallmitna li fil-ħajja jekk ikollok mira li trid tasal għaliha, qatt m’għandek taqta’ qalbek anke jekk fil-vjaġġ tal-adozzjoni tiltaqa’ ma’ ħafna ostakli. Finalment, bħala koppja għallmitna ħafna aktar fejn tidħol adozzjoni sabiex ukoll ninkoraġġixxu u nkunu ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor.

Bħal Daniel, Santiago ġie adottat ukoll mill-Portugall, iżda x’inhi l-istorja tiegħu?

Noel u Chris: L-istorja ta’ Santiago hija totalment differenti għar-raġuni li Santiago ma kienx jgħix ġo istituzzjoni iżda minn meta kellu biss 5 ijiem, ingħata għall-fostering sakem tinstab il-familja ideali. Kellhom jgħaddu 5 snin sakemm il-familja ideali kienet aħna. Għal Santiago ma kinitx faċli li jitlaq lil dawk in-nies li kien ilu jgħix magħhom għal 5 snin. Ovvjament għalina kienet sfida kbira sabiex insibu soluzzjoni għal dan kollu u anke sabiex tikber bond magħna u għalhekk naħsbu li kienet boast għalina li għaddejna mis-sitwazzjoni għat-tieni darba.

Għaddew biss ftit ġranet minn meta wasaltu lura d-dar, kif sejrin flimkien Daniel u Santiago?

Noel u Chris: Iva, għaddew biss ġimgħatejn minn meta wasalna lura wara 5 ġimgħat ġewwa l-Portugall. Daniel u Santiago mill-ewwel ġurnata li ltaqgħu saru inseparabbli qishom kienu ilhom jafu lil xulxin għal ħafna żmien. Fil-fatt meta Daniel ma jkunx id dar, Santiago jibda jibki għal Daniel u viċi versa.

Kif inbidlet ħajjitkom issa li ġejtu familja ta’ erbgħa?

Noel u Chris: Il-ħajja nbidlet mil-lejl għan-nhar. Ovvjament trid iktar pjanar, ħin, paċenzja u dedikazzjoni. Naturalment, f’kull ma nagħmlu, it-tfal jiġu l-ewwel dejjem.

Xi ħsibijiet jgħaddu minn moħħkom kif tħarsu lejn iż-żewġt itfal tagħkom?

Noel u Chris: Li nixtiequ għat-tfal tagħna hu bħal ma jixtieq kull ġenitur, li jkollhom suċċess anki jekk il-kapaċitajiet tagħhom ikunu limitati. Finalment kull persuna għandha x’toffri fil-ħajja.

Kemm-il darba tkellimna dwar il-fatt li t-tfal jistħoqqilhom ambjent ta’ mħabba u sigurtà, irrelevanti x’orjentazzjoni sesswali għandhom il-ġenituri tagħhom. X’inhu l-messaġġ tagħkom lil dawk li assolutament jaħsbu u jemmnu li persuni li mhumiex eterosesswali m’għandhomx ikunu, ma jistgħux jew mhumiex kapaċi jkunu ġenituri?

Noel u Chris: Fejn jidħol l-istat ta’ ġenitur m’hemmx orjentazzjoni sesswali, bħal ma kemm-il darba ngħidu; it-tfal kull ma jridu fil-ħajja huwa; imħabba, dar, sigurtà, sapport fis-saħħa u l-edukazzjoni u ambjent adegwat sabiex ikollhom futur li jistgħu jilħqu l-kapaċitajiet tagħhom.

Għal kull min jafna kemm personali kif ukoll permezz tal-paġna tagħna fuq Facebook bħala TwoPapasMalta, jafu kemm nagħtu rispett u mħabba lit-tfal tagħna, u li ngħinu familji bħalna kif ukoll anki eterosesswali sabiex jidħlu fil-proċess tal-adozzjoni.

Finalment, fil-ħajja ma tistax tbiddel l-opinjoni ta’ kulħadd, dejjem jibqa’ dawk il-ftit nies ta’ opinjoni differenti għalhekk nirringrazzjaw lil kull min jissapportjana u japprezza dak li nagħmlu.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks