Għaddew proprju 20 sena mit-traġedja xokkanti li minkejja li seħħet fl-Istati Uniti, ix-xeni orribbli kkawżat din it-traġedja xxukkjaw lill-kumplament tad-dinja, inkluż lilna l-Maltin.

Ċertament li ħafna minna konna quddiem it-televiżjoni u rajna saħansitra l-attakki jseħħu quddiem għajnejna bħallikieku qed naraw xi film tal-biża’!

Fil-11 ta’ Settembru tal-2001, 19-il militant assoċjat mal-grupp estremista Iżlamiku Al Qaeda ħatfu erba’ ajruplani u wettqu attakki suwiċida fl-Istati Uniti. Tnejn mill-ajruplani ttajru fit-Twin Towers tal-World Trade Centre fi New York City, it-tielet ajruplan laqat il-Pentagon eżatt barra Washington, DC, u r-raba’ ajruplan iġġarraf f’għalqa f’Shanksville, Pennsylvania.

Il-hijackers kienu terroristi Iżlamiċi mill-Arabja Sawdija u diversi nazzjonijiet Għarab oħra. Allegatament iffinanzjat mill-organizzazzjoni terroristika Al Qaeda ta’ Osama bin Laden, huma allegatament kienu qed jaġixxu bħala ritaljazzjoni għall-appoġġ tal-Amerika lill-Iżrael, l-involviment tagħha fil-gwerra tal-Persian Gulf u l-preżenza militari kontinwa tagħha fil-Lvant Nofsani.

Kważi 3,000 persuna nqatlu waqt dawn l-attakki terroristiċi.

Fost il-vittmi li tilfu ħajjithom traġikament, kien hemm Joseph Cachia, ċittadin Amerikan ta’ dixxendenza Maltija. In-nannu tiegħu, Joseph, oriġinarjament minn Ħaż-Żabbar, kien emigra lejn l-Amerika matul it-Tieni Gwerra Dinjija u beda ħajja ġdida hemm.

Traġedja bħal din spiċċat ukoll kontroversjali għaliex uħud jallegaw li dawn l-attakki kienu maħsuba u ppjanati saħansitra mill-istat Amerikan stess.

Li hu żgur hu, li minkejja li għaddew 20 sena, il-memorji u l-konsegwenzi li ħalliet din it-traġedja jibqgħu jiġu mfakkra kull sena, madwar id-dinja.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks