Select Page

Sa xħin għaddejna minn maġenb waħda minn dawk it-tabelli li donnhom kienu mferrxin mar-raħal.
Għax eżatt malli għaddejt minn hemm, ritratt partikolari minnhom laqatli l-interess.
Bħal inħsadt.
U tbellaħt.
Jew forsi ma kienx kif ħsibt!
Imma hemm kien. Ir-ritratt ta’ dak ix-xwejjaħ li kont kellimt dakinhar stess!
U li kien biegħli ż-żarbun!
Ħarist lejn l-iskrittura u xi ħadd minn sħabi rrimarka li dawn ir-ritratti kienu ta’ nies li kienu mietu propjament dik il-ġimgħa!
U dan ix-xwejjaħ, skont din l-iskrittura, kien ilu mejjet jumejn!
Ma jistax ikun! Ma jistax ikun!
Bdejt inberraq għajnejha u t-tabella flejtha sew u qrajha iżjed minn darba.
“Ma jistax ikun………!” bdejt nhewden.
Meta għidt lil sħabi dak li kien ġara, qaluli biex l-għada mmur propjament fejn il-ħanut taż-żraben u nistaqsi għalih.
U hekk għamilt.
Imma malli wasalt, tbellaħt.
Il-ħanut taż-żraben kien jidher żdingat u mitluq. Abbandunat. Twieqi antiki ħafna bi ħġieġ imkisser. U għanqbut kullimkien!
U ħaġa tal-għaġeb, il-bieb kien magħluq b’katnazz!
Stennejt.
Stennejt iktar milli kien suppost.
Kienu daqqu l-għaxra ta’ filgħodu.
U kien għadu magħluq.
U ttantajt xortija.
Dħalt fil-ħanut tax-xorb li kien hemm faċċata tiegħu.
“Dan il-ħanut taż-żraben fi xħin jiftaħ?” staqsejtu.
Dan ir-raġel ħares lejja qisni kont qed inkellmu b’lingwa differenti u mhux bit-taljan. U kont ċerta li l-vokabularju kont użajtu sew.
“Int fejn taf li hemm ħanut taż-żraben?” staqsieni, jberraq għajnejh.
Għollejt sieq minnhom u bbilanċjajt fuq l-oħra.
“Għax ilbieraħ xtrajt dan!” għidtlu, inħossni xi ftit konfuża għal mod ta’ kif kien qed iħares lejja.
“Ma jistax ikun.”
Daqshekk. Ma qalli xejn aktar.
“U għalfejn qed tgħidli hekk?” staqsejtu, nipprova neħodlu minn rasu. Imma dak il-ħin ma kellux għalfejn iweġibni. Għax kont naf. Kont naf x’kien se jgħidli.
“Dak il-ħanut ilu magħluq żmien! Giuseppe ilu mejjet jumejn! Ilbieraħ kien il-funeral tiegħu!” qalli.
Ħarist lejn il-bieb fejn kien daħħalni x-xwejjaħ.
U f’qalbi rringrazzjajtu.
Kont xtrajt żarbun.
Mill-ħanut taż-żraben.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks