Samantha hija produttriċi li qed tfittex li terġa’ tagħti ħajja lill-karriera tagħha wara l-effett li l-pandemija ħalliet fuq is-settur tal-arti. Tqabbad lill-online cabaret artist (jew għall-inqas hekk mingħaliha li hi) Guapa biex tagħmel xow speċjali, u lill-ħabib tagħha Damian biex jieħu ħsieb il-catering. Kollox tkun ippreparat sal-iċken dettall Samantha…ħlief id-diżastri kollha li wieħed jimmaġina li jistgħu jinqagħlu, u anki li ma jimmaġinax, f’live show!

Waqt ir-rehearsals


Zoom hija kummiedja mfassla fuq kunċett oriġinali. Bħala spettatur tista’ tara din il-produzzjoni b’tliet modi. Jew fuq il-post u tara dak li l-karattri jriduk tara. Jew inkella f’parti tal-post biex tnemmes dak li l-karattri qed jagħmlu l-almu tagħhom biex ma tarax. Jew tissendika onlajn mis-salott tiegħek. Taraha minn fejn taraha, xorta waħda l-istess storja ħa ssegwi. Kif? Mur ara (jew ibqa’ d-dar) Zoom u tkun taf!


Zoom hija kummiedja romantika u oriġinali miktuba u b’direzzjoni ta’ Tyrone Grima. Il-produzzjoni hija f’idejn Tyrone Grima u Joseph Galea, filwaqt li Keith Chetcuti qed jieħu ħsieb id-direzzjoni teknika. Din il-produzzjoni twieldet fi żmien il-pandemija wara żmien twil li Tyrone u Joseph kienu ilhom joħolmu li jaħdmu flimkien.

L-atturi f’din il-kummiedja huma Carlos Farrugia, Kristjana Casha, Antonella Axisa, Kim Dalli u Angele Galea.

Zoom ħa tittella’ fis-17, 18 u 19 ta’ Settembru fit-8 u nofs ta’ filgħaxija fil-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Birgu jew inkella taraha dak il-ħin onlajn. Biex tibbukja jew għal iktar informazzjoni ibgħat imejl fuq tyronegrima@gmail.com


Il-prekawzzjonijiet kollha skont il-protokol tas-saħħa ttieħdu biex l-udjenza tkun tista’ tgawdi dan ix-xogħol. Dan il-proġett huwa mgħejjun mill-Kunsill Malti tal-Arti.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks