“Kull darba li nkun f’relazzjoni ma’ mara dejjem naħseb f’marti li mietet żmien ilu u nħossni ħati li qed nagħmel xi ħaġa ħażina…’’
In-niket huwa meta wieħed jesperjenza uġigħ minħabba xi telfa ta’ xi ħadd maħbub. Meta xi ħadd jesperjezna sens ta’ niket, apparti li l-persuna tesperjenza dwejjaq, il-persuna tesperjenza ħtija u konfużjoni minħabba din it-telfa. Din it-telfa taffettwa kif wieħed jara l-ħajja kif ukoll kif wieħed jaġġusta għat-telfa tiegħu.
Id-dwejjaq li qed tħoss huwa minħabba t-telfa u minħabba l-memorji li għandek ma’ din il-persuna. Ir-rimors huwa komuni li tesperjenzah dan huwa għaliex il-persuna m’għadhiex f’ħajtek aktar. Dan qed iġiegħlek taħseb dwar dak li forsi stajt tagħmel iktar mal-persuna. Huwa komuni li tiddolizza lill-persuna li tkun tlift. Dan għaliex ikollok memorji tal-affarjiet sbieħ li jkunu ġraw.
Fl-artiklu : “L-Infedeltà f’Relazzjoni – X’inhuma l-konsegwenzi u l-istadji li ġġib magħha?” semmejt seba’ fażijiet li wieħed ikun għaddej minnhom meta jitlef lil xi ħadd importanti f’ħajtu.
It-titlu ta’ ‘armel’ jista’ jfisser ħafna. Meta persuna jsir armel l-identità tiegħu tinbidel għalih. L-opinjoni tas-soċjetà wkoll tbiddel l-identità. Dan ifisser li kull tabella fiha tifsira tagħha. Armel u armla jfissru li l-mara jew ir-raġel ta’ xi ħadd miet. Għal din il-persuna hemm diversi ħsibijiet għaddejjin minn moħħu/ha, pereżempju: ‘min jien mingħajr il mara?’ jew inkella jħossuhom mitlufin għaliex forsi l-mara jew ir-raġel kellu ċerti rwoli importanti fid-dar. B’hekk, l-‘armel’ għandu bżonn jerġa’ jsib l-indipendenza li mhijiex dejjem faċli, speċjalment għal min hu armel u jħoss li m’hemmx min jista’ jgħinu.
Li jkollok xewqa sesswali huwa normali. Tant hu hekk li huwa wkoll normali li tħossok vulnerabbli, jew mhux komdu bl-idea li ssib partner minħabba li tkun qed tħoss in-nuqqas tal-partner li miet. Minħabba l-fatt li tlift il-partner hija komuni li tħossok li forsi għandek stima baxxa fuqek innifsek. M’għandekx għaġla biex tidħol f’relazzjoni ġdida jekk ma tħossokx komdu jew lest. M’hemmx żmien ta’ kemm suppost għandek iddum biex toħroġ ma’ xi ħadd wara t-telfa tal-partner tiegħek jew jekk għandek toħroġ ma’ xi ħadd jew le. Dan huwa għaliex kulħadd jesperjezna n-niket b’mod differenti.
M’hemm xejn hazin li tixtieq l-intimità għax tħossok waħdek. Jekk inti tħossok waħdek, imma ma tkunx lest għar- relazzjoni, tista’ tipprova tiltaqa’ ma’ xi ħbieb, jew tagħmel xogħol volontarjat. B’hekk mhux biss ikollok iktar konnesjonijiet ma’ nies, iżda jkollok sens ta’ komunità mal-oħrajn kif ukoll tħoss sens ta’ għan.
In-niket huwa proċess li jieħu l-ħin imma importanti li tafda dan il-proċess. F’kull esperjenza tista’ ssib tagħlima li se tigwidak b’mod aħjar fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum.
Ma nistax ngħidlek li n-niket se jitlaq, għaliex dejjem se jibqa’ parti minn ħajtek. Dak li nista’ ngħidlek huwa li fil-futur tiegħek bil-mod il-mod tibda tadatta għall-weġgħa li għandek. Tibda jkollok ġranet fejn se tweġġa’ ħafna u kif ukoll se jkollok ġranet meta tħossok aħjar. Jekk tħoss li għandek ħafna toqol, u li ma tiflaħx iġġorru waħdek, tibżax tfittex l-għajnuna. Il-professjonisti qegħdin hawnhekk biex jgħinuk.

Tim multidixxiplinarju li jipprovdi kura għas-Saħħa Sesswali