Personalità, li ċertament mhijiex wiċċ ġdid magħkom, iddeċidiet li tqajjem kuxjenza dwar żewġ suġġetti differenti billi kitbet messaġġi fuq l-ilbiesi li libset fil-konkors tas-sbuħija Mrs Malta 2021.

Florina Silvio għandha 39 sena, miżżewġa u għandha tifel ta’ 9 snin. Oriġinarjament mill-Pakistan u ilha aktar minn 20 sena tgħix Malta ġewwa ż-Żejtun, Florina hija wkoll fiżjoterapista u ppublikat tliet kotba tat-tisjir.

Riċentament, hija ħadet sehem fil-konkors tas-sbuħija Mrs Malta 2021 bit-titlu ta’ Mrs Żejtun, li fih rebħet il-premju tal-Aqwa Karattru.

Interessanti l-fatt li Florina, fir-rappreżentazzjonijiet tagħha f’dan il-konkors għamlet kollox hi, l-irtokk, xagħarha u anki ddisinjat l-istil tal-ilbiesi tagħha stess. Ir-raġuni għal dan kienet li xtaqet tirrappreżenta lilha nnifisha b’dak li hi u tagħti prova lilha nnifisha li tista’ tagħmel kollox waħedha.

Dak mhuwiex l-unika fatt interessanti però, għaliex Florina xtaqet toħloq idea ġdida kif ukoll tqajjem kuxjenza permezz ta’ messaġġi li kitbet fuq l-ilbiesi tagħha.

F’waħda mill-ilbiesi, hija kitbet “Pets are for Life”, li kif spjegatilna hi stess, qagħdet taqta’ l-ittri u l-forma tal-qattus hi stess. Florina qaltilna li d-dehra tal-qattus kienet ispirata minn The Goddess Bastet li hija l-protettiva tal-qtates.

Permezz ta’ dan il-messaġġ ridt noħloq kuxjenza dwar il-fatt li ħafna annimali domestiċi jinxtraw bħala rigali għall-Milied u okkażjonijiet oħra u mbagħad jiġu abbandunati. Infatti tnejn mill-qtates tiegħi kienu ġew abbandunati u salvajnihom aħna, allura huwa suġġett li jmissli qalbi.”

Id-disinn ta’ libsa oħra li libset fil-konkors kien fużjoni tal-Malti u l-libsa tradizzjonali tagħha biex turi s-sbuħija tad-diversità kulturali u l-aċċettazzjoni kulturali. Il-parti Maltija fil-libsa kienet is-salib, il-bizzilla ta’ Malta u l-kuluri tal-bandiera Maltija, filwaqt li l-parti tradizzjonali Asjatika kienet il-kostumi bi tliet biċċiet bir-rakkmu tad-deheb. Il-messaġġ fuq din il-libsa kien jgħid “Say No to Pollution”.

“Ridt inwassal dan il-messaġġ għax nemmen li lkoll nistgħu nagħmlu l-parti tagħna biex nirrispettaw l-ambjent u d-dinja tagħna sabiex il-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jgawduha wkoll.”

Florina qaltilna li permezz ta’ dawn il-messaġġi xtaqet turi dak li temmen fih u toħloq kuxjenza, anki jekk jasal u jagħmel differenza lil persuna waħda biss, għaliex dan jista’ jgħin fid-differenza pożittiva fil-mentalità ta’ ħafna dwar dawn is-suġġetti.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks