Select Page

Minn Ottubru, kull nhar ta’ Sibt filgħaxija fit-20.30 fuq Net Television, it-telesepettaturi se jkunu jistgħu jibdew isegwu s-seba’ sensiela ta’ The Entertainers.

The Entertainers, għandu jerġa’ joffri sagħtejn u nofs ta’ varjetà kontinwa u bosta attrazzjonijiet oħrajn li għandhom jagħmlu s-serata tas-Sibt għal dawk li jagħżlu li jibqgħu ġewwa, waħda mill-iżjed pjaċevoli.

Imma għal dan l-istaġun The Entertainers se jkollu bosta novitajiet. L-ewwel u qabel xejn se jkollu preżentaturi ġodda li se jieħdu post Janvil li, wara sitt snin iddeċieda li jieqaf ftit mit-televixin. Minfloku l-programm se jitmexxa mill-kantawtriċi u preżentatriċi brava u simpatika Corazón Mizzi flimkien mal-kantant u frontman tal-grupp popolari ‘The Crowns’, Victorio Gauci li huwa wkoll familjari mas-semmiegħa ta’ Net Fm.

Xi drabi se narawhom flimkien u drabi oħra se narawhom jippreżentaw separatament, imma żgur li huma koppja ħelwa u għandhom jinżlu tajjeb mat-telespettaturi.

Ritratt: Kitz Klikz

M’għandniex xi ngħidu li The Entertainers huwa sinonimu mal-mużika live u x’aktarx l-uniku programm televiżiv fil-gżejjer Maltin li fih il-kantanti kollha jkunu akkumpanjati minn band live. Minn dan l-istaġun, The Entertainers se jibda jieħu lit-telespettaturi fuq vjaġġ nostalġiku u ta’ kull ġimgħa, se jiġu interpretati kanzunetti minn żewġ deċennji partikolari li se jmorru lura għas-snin ħamsin sal-lum il-ġurnata. Apparti l-kanzunetti, se jingħata tagħrif dwar aspetti soċjali u anke storiċi tal-epoki magħżulin.

It-telespettaturi, permezz ta’ facebook u SMS, se jiġu mħajra jibagħtu t-tifkiriet tagħhom minn epoki partikolari.

Minbarra l-aspett mużikali flimkien mal-band residenti taħt it-tmexxija tas-surmast Mark Spiteri Lucas, artisti residenti u oħrajn mistiedna, it-tim tal-produzzjoni ħaseb ukoll biex ta’ kull ġimgħa jżid id-doża tad-divertiment b’numru ta’ sfidi li żgur se jqanqlu tbissima fuq fomm it-telespettaturi. Il-gossip mhux se jonqos u min jaf… forsi se nsiru nafu xi sigrieti tal-personalitajiet mistiedna li forsi ma konniex konxji tagħhom!

Se jirritorna wkoll, ikbar mis-snin ta’ qabel, The Entertainers Singing Challenge, il-kompetizzjoni tal-kant li bħas-sena l-oħra ftaħniha għall-kantanti ta’ fuq it-tmintax-il sena wkoll. Ma ninsewx li minn din il-kompetizzjoni fis-snin li għaddew ħarġu diversi kantanti li komplew jagħmlu isem.

Tissokta wkoll is-sezzjoni tal-moda ‘Fashion Time’, dejjem b’kollezzjonijiet ġodda u b’pariri siewja li jinżlu tajjeb mat-telespettaturi, partikolarment dawk femminli li jkunu qed isegwu l-programm. Tkompli wkoll is-sezzjoni interessanti tal-Cocktails mill-bravu James Aquilina.

The Entertainers illum il-ġurnata huwa stabbilit sew u huwa vetrina tat-talent lokali. Dan il-programm irnexxielu jimla l-vojt kbir ta’ varjetà televiżiva lokali kif imiss, bl-aħjar mod possibbli. U dan l-istaġun se nkomplu fuq ta’ qablu”.

Għalhekk l-appuntament tagħkom ma’ The Entertainers, se jkun kull nhar ta’ Sibt bejn id-20.30 u l-23.00 fuq NET Television.

Id-divertiment, ir-rebħ ta’ rigali u s-sorpriżi mhumiex se jonqsu!

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks