Select Page

Wara li ftit jiem ilu, il-Prof. Andrew Azzopardi b’konsultazzjoni ma’ Peppi Azzopardi, ippreżenta 100 proposta għal riforma fil-ħabs, issa qed jippreżenta 100 proposta oħra għal qasam soċjali aktar ġust.

Il-proposti jirrigwardaw diversi temi soċjali b’uħud minnhom ftit jew wisq kontroversjali.

Il-Prof. Azzopardi qal li l-qasam soċjali jinsab f’Salib it-toroq u għalhekk qed jipproponi sett ta’ ideat biex jgħinu ħalli dan is-settur jiġi kkalibrat.

Dawn huma wħud mill-100 proposta li l-Prof. Andrew Azzopardi qed jipproponi:

  • Min ikun f’pożizzjoni fit-tmexxija soċjali mal-istat u l-NGOs għandu jsirilhom assessjar psikometru biex il-persuna tkun adegwata u fejn il-ġudizzji professjonali jsiru sew.
  • Il-ġbir ta’ fondi għandu jieqaf. Jgħid li meta jkun hemm proġett ġdid, l-NGO għandha tmur għand Il-Fondazzjoni u mhux titkarrab, u l-kampanji fuq il-mezzi tax-xandir għandhom ikunu fuq il-kawża u mhux il-ġbir.
  • Aktar nisa fit-tmexxija fl-oqsma soċjali.
  • Pjan b’saħħtu biex niġġieldu s-solitudni.
  • Jogħlew il-pagi tal-ħaddiema soċjali, bħal psikologi, social workers, youth workers, terapisti u oħrajn.
  • It-tfal ma jintużawx waqt kampanji politiċi jew ta’ riklamar.
  • Isiru kampanji kontra r-razziżmu fuq il-midja nazzjonali. Jissaħħu u jiġu implimentati b’aktar saħħa, proċeduri kontra r-razziżmu fil-midja soċjali u f’kull post ieħor.
  • Ma jidħolx l-abort akkost ta’ kollox.
  • L-użu tal-ħaxixa jiġi dikriminalizzat imma mhux legalizzat.
  • Żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jikkontestaw bħala kandidati fl-elezzjoni ġenerali.
  • L-istat għandu jipprovdi ħafna u ħafna aktar opportunitajiet fit-teatru, arti u mużika biex kulħadd ikollu sehem x’jagħti.
  • Ninvestu fl-Eating Disorders.
  • L-uffiċċji tal-Gvern għandhom jagħtu opportunità biex il-priġunieri u l-eks priġunieri jaħdmu fl-entitajiet tagħha.
  • L-anzjanità tiġi indirizzata mhux bid-djar tal-anzjani imma bis-servizzi komunitarji prinċiparjament. Għandu jkun hemm inċentivi biex il-familji jibqgħu jieħdu ħsieb lill-ġenituri tagħhom.
  • Il-pajjiż għandu jkun kollu kemm hu aċċessibli.
  • Għandu jkun hemm aktar ħidma biex ikun hemm tfal Maltin adottati u ffosterjati ħalli ma jkunx hemm ħtieġa ta’ istituti tat-tfal.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks