Esebizzjoni li se tkun qegħda tittella’ ġewwa Rudy Buhler Art Contemporary Gallery, Marsaskala hija dik tal-artista pjuttost ġdida fix-xena tal-arti Rosanna Ciliberti.

L-isem li għażlet għal din l-esebizzjoni huwa dak ta’ “Chasing Rainbows”. Dan l-isem jirrifletti sew il-ħsieb kif ukoll il-mira sabiex tasal biex toħloq splużjoni ta’ kuluri kif ukoll kurżità ta’ teknika. F’din l-esebizzjoni hemm 36 biċċa ta’ arti, però l-iktar parti interessanti u li tqanqal kurżità tinsab fuq il-ħajt ta’ ġewwa nett.
Hemmhekk insibu arti żgħira li tfisser ħafna, u li hija għal qalb l-artista. Fil-fatt, hija tispjega kif dan ix-xogħol huwa wieħed uniku hawn Malta, u huwa mod ta’ manipulazzjoni u teknika unika li joħloq effett tat-tielet dimensjoni.

Ciliberti tiddeskrivi dan il-vjaġġ ġdid tal-arti tagħha bħala wieħed li jqanqal ħafna emozzjonijiet personali, u fil-fatt hi tgħid li ma kull teknika li tuża, huwa pass ieħor ‘il quddiem fil-vjaġġ tagħha lejn ambizzjonijiet oħra fid-dinja tal-arti.
Ilum 17 ta’ Settembru mis-sitta ta’ filgħaxija sal-għaxra ta’ bil-lejl se jkun hemm il-ftuħ uffiċjali ta’ din l-esebizzjoni li se tkun miftuħa għall-pubbliku, filwaqt li l-esebizzjoni tibqa’ miftuħa sat-3 ta’ Ottubru 2021.

Post: Rudy Buhler Art Contemporary Gallery – Quayside Court, 58, Triq is-Salini, Marsaskala.
