Nitkellmu ma’ Mario Micallef
Mario, riċentament int qsamt l-esperjenza tiegħek wara li ħriġt pożittiv għall-covid-19. L-ewwelnett, illum, kif tħossok?
Għall-grazzja t’Alla ninsab ħafna aħjar minn dak li għaddejt minnu u ġej għall-aħjar. Għalkemm ċerti sintomi għadni nħosshom. Imma biż-żmien dawn jgħaddu wkoll.
Għaliex ħassejt li għandek taqsam esperjenza tant diffiċli pubblikament?
Kif irritornajt id-dar wara ħames ġimgħat l-isptar, tlett ġimgħat fl-ITU, u minnhom 14-il ġurnata intubat u ħmistax-il ġurnata oħra fl-ENT, diversi stazzjonijiet tat-televiżjoni u radjijiet, talbuni biex nagħtihom intervista dwar l-esperjenza li għaddejt minnha. Dak iż-żmien irrifjutajt għax kien kmieni wisq u ma ridtx nitkellem fuq dik l-esperjenza tal-biża’. Aktar ma għadda ż-żmien, ħassejt li kont lest li nagħti intervista, basta bl-iskop li ninsisti mat-telespettaturi biex jieħdu l-vaċċin. Naturalment dawk li jistgħu jieħduh. Voldieri l-iskop tal-intervista kien prinċipalment dak.
Mill-esperjenza li għaddejt minnha, f’liema mument bżajt l-aktar?
L-ewwel xokk kbir li ħadt u bżajt tassew, kien meta wara jumejn l-isptar, tabib ġie fil-kamra tiegħi u qalli li sa jkollhom jintubawni minħabba l-qagħda li kont ninsab fiha. Iva, inħsadt, għax kont konxju li kont sa nkun f’koma u bil-ventilatur. U ma jafux kemm kont se ndum f’din il-qagħda. Irrid ngħid ukoll li f’qagħda bħal dik, tista’ titlef ħajtek ukoll. Dawn kienu l-akbar biżgħat.
Tħoss li b’xi mod din l-esperjenza bidlitlek il-perspettiva ta’ kif tħares lejn il-ħajja?
Ejja ngħidu li mhux bidlitli l-perspettiva ta’ kif jien inħares lejn il-ħajja, imma wara dik l-esperjenza xejn sabiħa li għaddejt minnha u rnexxieli nagħmilha, apprezzajt aktar il-ħajja kemm hi sabiħa u ta’ min japprezza dak kollu sabiħ li jeżisti madwarna. Ħafna drabi meta kollox ikun miexi sew, lanqas napprezzawhom ċerti affarijiet sbieħ li jkun hemm madwarna.
X’messaġġ tgħaddi lil dawk li forsi jagħżlu li ma jsegwux il-miżuri, u anki forsi jaħsbu li qatt ma tista’ tmiss lilhom?
Il-parir tiegħi hu, li dejjem issegwu l-istruzzjonijiet li d-dipartiment tas-saħħa joħroġ regolarment. Ninsisti wkoll li kulħadd imur jieħdu l-vaċċin, illum qabel għada. Issa għandna prova ċara biżżejjed li l-vaċċin qed jaħdem u importanti li nitlaqmu. Riżultat ta’ dan, hu li n-nies li qed jieħdu l-virus, qed jonqos ħafna aktar ma jgħaddi ż-żmien. Jien kieku kien imissni li nitlaqqam qabel, forsi ma kontx ngħaddi minn dak li għaddejt.
Naqilbu ftit is-suġġett. Mario, nistgħu ngħidu li int wieħed mill-aktar atturi popolari u versatili f’pajjiżna. Kif bdiet eżattament il-karriera tiegħek?
Meta kont żgħir bħal ħafna tfal oħra mill-Belt, kont nattendi l-Azzjoni Kattolika, tal-Belt, hemmhekk apparti t-tagħlim reliġjuż, kienu jittellgħu diversi programmi varjati teatrali. Tant li kull nhar ta’ Ħadd kienet tittella’ serata li l-atturi kienu l-istess soċji tal-Azzjoni Kattolika, u naturalment minn hemm bdiet il-ġibda tiegħi għat-teatru. Tajjeb li ngħidlek li kien hemm ukoll żewġ ħuti qabli, akbar minni li kienu nvoluti sew fit-teatru, Lino u George.

Liema mill-karattri li interpretajt s’issa kienu l-aktar ta’ sfida iżda li tawk l-aktar sodisfazzjon?
Kienu bosta l-karattri li tawni sodisfazzjoni. Imma fost l-aktar karattri li nista’ nsemmi hemm il-karattru ta’ Kristu li kont ninterpreta għal diversi snin, fiż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-karattru ta’ Dun Grejbel, mit-Tfal Jiġu bil-Vapuri, l-aħħar sensiela televiżiva li għamilt, ta’ L-Ispettur Bonnici u l-aktar xogħol verament iebes li qatt għamilt kien propju l-one man show, Id-Divina Commedia, dan il-monologu ta’ siegħa u għoxrin minuta bla waqfien, inħoss li kien l-aktar xogħol iebes u ta’ sfida fil-karriera tiegħi.
Matul il-karriera tiegħek ħdimt ma’ bosta atturi li sfortunatament illum m’għadhomx magħna. Min huma dawk li kienu l-aktar strumentali fil-karriera tiegħek?
Kienu bosta atturi li ħdimt magħhom u llum m’għadhomx magħna. Nista ngħid li dawn kienu l-krema tal-atturi ta’ dak iż-żmien. Fosthom: Ġemma Portelli, Lino Grech, Vitorin Galea, Josie Coppini, Karmenu Gruppetta, Charles Thake, Żep Camilleri, Joe Izzo u ħafna oħrajn li bħalissa qiegħed ninsa. Kien ta’ privileġġ li ħdimt magħhom. Tgħallimt ħafna mingħandhom.

Ħuk George kien ukoll maħbub minn ħafna. Liema memorji tagħkom flimkien tgħożż l-aktar?
Mumenti sbieħ ma ħija George kienu bosta, speċjalment meta konna naħdmu flimkien f’xi produzzjoni teatrali jew televiżiva li minnhom kien hemm mhux ħażin. Naturalment sensiela popolari u li baqgħet tissemma sal-lum, u li ħdimna flimkien, kienet is-sensiela ta’ Fredu l-Fra, ta’ Sam Delcappo. Kienet sensiela tassew ħelwa b’karattri varji u ħelwien.
X’kont tammira l-aktar f’George? Hemm xi esperjenza partikolari li għaddejtu flimkien, li tibqa’ dejjem f’moħħok?
George kien komiku naturali, xi ħaġa li kont nammira fih. Ġieli anke b’espressjoni biss ta’ wiċċu, kien jifqa’ l-udjenza bid-daħq. Esperjenza xejn sabiħa u baqgħet f’moħħi ma’ ħija George kienet meta l-kumpanija tiegħu, il-Valletta Dramatic Co., kienet sa ttella’ produzzjoni fit-teatru Manoel, u George kellu waħda mill-partijiet prinċipali fiha. Jien ma kontx se nieħu sehem fiha. Propju jumejn qabel l-ewwel rappreżentazzjoni, George ħa l-aħbar kerha li martu Carmen kienet marida serjament. Niftakar li George kien ċempilli xid-9 ta’ filgħaxija u talabni biex nidħol nagħmel il-parti tiegħu minfloku għax ma kellux moħħ u saħħa jagħmilha. L-ewwel reazzjoni tiegħi kienet xokk u għidtlu: ‘kif jista jkun li nistudja 85 paġna f’jumejn’? Niftakar li qalli li jekk ma nagħmiliex jien, kien sa jħassarha. Kont naf li kellu t-teatru Manoel inballat bin-nies għal tlett ijiem sħaħ u ma xtaqx inkompli nżidlu d-diżappunt u l-problemi, u aċċettajt. Niftakar li kont għamilt jumejn sħaħ, bl-iljieli b’kollox, nistudja u rnexxieli nistudja u nagħmilha u l-udjenza u l-kritiċi tal-ġurnali kienu apprezzaw ferm. Niftakar li kif spiċċat u wasalt id-dar, kien ċempilli biex jifraħli u jirringrazzjani. Qalli li kienu ċemplulu diversi nies biex jgħidulu li l-play marret tajjeb ħafna. Id-direttur tagħha kien il-mibki Joe Izzo, li kien għeni ħafna.

Matul il-progress li sar matul is-snin, bla dubju, ir-riżorsi żdiedu fejn jidħol dan il-qasam, iżda tħossok sodisfatt bil-mod ta’ kif qed jintużaw dawn ir-riżorsi u bil-kwalità ta’ produzzjonijiet li qegħdin isiru meta tikkumpara ma’ ta’ qabel?
Progress sar, u f’ċertu oqsma bħat-teatru mexa ħafna ‘l quddiem. It-teknika tat-teatru ta’ 50 sena ilu, m’għandiex x’taqsam mat-teatru tal-lum. Grazzi għal dan il-progress imur ukoll għad-diversi skejjel tad-drama li fetħu matul iż-żmien. Dwar ir-riżorsi nemmen li kemm il-gvern, kif ukoll id-diversi entitajiet oħra, għandhom jgħinu kemm jistgħaw speċjalment f’ċerti produzzjonijiet li jinvolvu spejjeż kbar. Illum biex tippreżenta produzzjoni tinvolvilek eluf ta’ ewro. Ikun hemm drabi li lanqas jibdew l-ispejjeż li jkunu saru. Għalhekk importanti l-għajnuna.
It-teatru jista’ jagħmel differenza fil-ħajja reali u personali tal-individwu? X’differenza għamel lilek personali?
Iva, bla dubju t-teatru jista jgħin ħafna fl-iżvilupp tal-persuna, speċjalment fiż-żgħażagħ tagħna minn ċkunithom. Ħafna drabi t-teatru jkun il-mezz biex joħorgok mill-qoxra mistħija li jkunu fiha. Jien it-teatru ħabbejtu minn ċkuniti, kif għidtlek qabel. Tani ċerta potenzjal personali, anke kif inħares lejn il-ħajja u l-problemi li tiltaqa’ magħhom. Tinsiex li ħafna mill-karattri li ninterpretaw fuq il-palk, huma karattri ħajjin u li tiltaqa’ magħhom kuljum fit-toroq tagħna.
Liema mill-produzzjonijiet teatrali u televiżivi li ħadt sehem fihom bħala attur, direttur u anki produttur, tħoss li l-aktar ħallew impatt fuqek personali u anki fuq il-pubbliku?
Iva, kien hemm produzzjonijiet li qdejt dawn ir-rwoli f’daqqa. Fosthom insemmi s-sensiela ‘It-Tfal Jiġu bil-Vapuri’, tal-mibki Oliver Friggieri, li ntweriet fuq Net TV. Fit-tielet sensiela tagħha kont ktibt l-iskripts tat-tlettax-il episodju, ħdimt il-parti prinċipali ta’ Dun Grejbel u ddiriġejtha wkoll. Kienet biċċa xogħol iebsa ħafna u ta’ sfida. Imma s-sodisfazzjon kien kbir għax apparti li ntlaqgħet ferm tajjeb mit-telespettaturi, jien kont ħadt il-Best Actor TV Award, f’parti prinċipali. L-ewwel żewġ sensiliet kienu nkitbu mil-mibki u ħabib kbir tiegħi Lino Grech. Lino kellu wkoll il-parti tal-Isqof, li kien qaxxara tajjeb ħafna.
Semmilna żewġt ipraspar relatati mat-teatru..
Kien hemm bosta. Kemm serji, kif ukoll komiċi. Inċident serju kien meta waqt il-play tal-passjoni, fil-parti ta’ Kristu, kienu kisruli subgħajja, naturalment b’inċident. Inċident ieħor komiku kien meta mort inpoġġi fuq siġġu u nkiser bija. Tista’ timmaġina li daħqu n-nies. Imnalla kienet kummiedja.
X’messaġġ tgħaddi lill-atturi li għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom?
Jekk verament iridu li jieħdu t-teatru bis-serjetà, iridu jagħmlu s-sagrifiċċji. Iridu jkunu iddixxiplinati f’kollox, bħal studju tal-iskript, tisma’ mid-direzzjoni, tattendi fil-ħin għal provi eċċ. It-teatru huwa infinit, qatt ma taf kollox, dejjem hemm lok li titgħallem. U importanti ukoll li ma tħallix rasek tikbirlek.

Il-familja, xi tfisser għalik?
Il-familja hija kollox. Dejjem issapportjawni f’dak kollu li għamilt u kienu ta’ spalla għalija, speċjalment minn dak li għaddejt minnu ftit ilu, Alla ħares ma kinux huma.
Liema kienu l-isbaħ mumenti ta’ ħajtek s’issa?
Naturalment fuq quddiem hemm meta kelli ż-żewġt itfal, Gordon u Alycia. U issa l-isbaħ mumenti tiegħi ikunu meta nkun man-neputi tiegħi Nico. L-għaxqa tiegħi, speċjalment meta qed narah jikber u jagħmel ħafna progress fit-teatru. Mumenti sbieħ ukoll u ta’ sodisfazzjon ikunu wara xi produzzjoni teatrali.
Liema kwistjoni kurrenti int l-aktar sensittiv dwarha? U għaliex?
Jien sensittiv ħafna fejn jidħlu t-tfal. Inweġġa’ ħafna meta nisma b’każi fejn iweġġgħu t-tfal u meta jiġu abbużati.
Xi jbeżżgħek l-aktar u xi jferħek l-aktar?
Nibża’ mid-diżastri naturali fejn imutu ħafna nies. Il-mard, speċjalment dak terminali. Iferaħħni dak kollu li hu ħaj u sabiħ, bħan-natura.
X’inhi d-definizzjoni ta’ suċċess għalik?
Is-suċċess huwa r-riżultat ta’ xogħol iebes u ddedikat, ta’ sagrifiċċji u serjetà. Mingħajr dawn l-ingredjenti ma jintlaħaqx is-suċċess.
Se nerġgħu narawk f’xi produzzjoni fil-futur qarib?
Iva, minn għada se nibda niffilmja sensiela televiżiva, bl-isem ta’ Irbaħt il-Lottu, kitba u direzzjoni ta’ Mario Philip Azzopardi. Jien se ninterpreta wieħed mill-karattri prinċipali, differenti sew minn dak li interpretajt fl-Ispettur. Din is-sensiela, b’għaxar episodji, tibda tintwera f’Marzu li ġej fuq TVM.


Direttriċi u Editriċi