Select Page

L-ewwel darba li ltqajt magħha, kont sirt inħobbha mill-ewwel.
Fior.
Kienet l-isbaħ mara li qatt kont rajt. Kellha dak kollu li xtaqt; figura perfetta, wiċċ ta’ anġlu u karattru taz-zokkor. X’ridt aktar minn hekk?
Kienet saret id-dinja tiegħi. Qabel, ftit li xejn kont nagħti kas romantiċiżmu. Jiena kont persuna kemxejn riservat, kultant saħansitra xi ftit stramb.
Iżda minn meta kont iltqajt ma’ Fior, kont bdejt nixtri l-ħwejjeġ, nirranġa ruħi, neħodha tiekol fl-aqwa ristoranti u nixtrilha dak kollu li xtaqet qalbha.
U jien……..
Jien kont naraha kuntenta miegħi.
Wara xi sentejn li konna ilna noħorġu ma’ xulxin u ninħabbu, mort f’ħanut tal-aqwa ġojjelli u xtrajtilha l-isbaħ ċurkett li laqat lil għajnejja. U biex inkun għidt kollox, lil buti ukoll. Skont sid il-ħanut, peress illi kien djamant ta’ veru, biċ-ċertifikat, xħin kont tħares lejh, kont tara ħafna kuluri assortiti inemnmu u jitħalltu flimkien. Ippruvajt nara dawn il-kuluri, iżda jiena ftit li xejn kont nifhem. Kuluri ma rajtx. Imma xorta xtrajtu. L-importanti kien li lil Fior inżommha kuntenta. U tfajla bħal dik kien jixirqilha l-aqwa mod biex nitlobha tkun marti.
Malli staqsejtha biex tiżżewwiġni, għalkemm kelli qalbi tħabbat mija mija għax bżajt li tgħidli le, aċċettat bil-qalb. Mhux talli aċċettat, iżda talli tant qabdet fija li għal ftit ma qalbitnix lura mill-pożizzjoni li kont qiegħed fiha!
Iltqajt ma’ ommha u missierha. U mal-ewwel daqqa t’għajn, donnhom anke huma, ħadu grazzja miegħi.
Kultant kont nieqaf naħseb waħdi. U kont nammetti. Kont ferħan. Kont l-iżjed bniedem ferħan tad-dinja. Minn meta żżewwiġt lil imħabbti Fior, id-dinja kienet tidher iżjed ikkulurita, iżjed sabiħa. Forsi minħabba l-fatt li l-kuluri taċ-ċurkett kien beda jirrifletti fl-abbissi ta’ moħħi. Jew forsi għax Fior kienet il-mara ideali għalija.
Kont inħobbha tabilħaqq.
Mhux hekk biss, kont iffissat fuqha.
Peress illi jiena kelli xogħol tajjeb, dak ta’ perit, xtrajt għalqa kbira fit-tarf tar-raħal fejn kont pożittiv li kien hemm veduta li ssaħħrek, fejn kont ċert li kienet se togħġobha. Għamilt pjanta u bnejt waħda mill-isbaħ djar li qatt eżistew f’Malta.
Forsi wieħed s’hawn jibda jgħid li ħajti kienet perfetta.
Iva, kienet.
Iżda ma tantx damet.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks