Minn nhar it-Tlieta 28 ta’ Settembru, fl-22:30 fuq TVM, se jixxandar l-ewwel programm bl-isem ta’ Gramma, ippreżentat minn Clifford Galea.

Kull nhar ta’ Tlieta, se jakkumpanjaw lil Clifford diversi mistiedna fosthom pulizija mit-taqsima tad-droga, professuri, professjonisti, il-fundatur tal-Caritas Dun Victor Grech u Fr Hilary Tagliaferro, fejn se jiġu diskussi fil-miftuħ u bla ebda tidwir, il-problemi tad-droga u l-addiction.

Tkellimna mal-preżentatur Clifford Galea u qasam magħna x’jixtieq iwassal permezz ta’ dan il-programm.

“L-addiction fil-verità ma tistedinhiex int b’idejk imma hija marda. Madanakollu, dan ma jagħtiniex l-iskuża li nagħmlu li rridu u allura nieħdu d-droga għax għandna t-timbru tal-addict. Hemm x’tagħmel. Bla dubju, mhix faċli. Jien ukoll ma’ jfissirx li jien l-aqwa bniedem biex nispjega dan għaliex kelli wkoll ir-relapses tiegħi imma nemmen li billi noħloq kuxjenza, nitgħallmu flimkien u hekk inkunu nistgħu ngħinu lil xulxin. Dan għaliex mhux kulħadd jista’ jkollu x-xorti li wara relapse jerġa’ jieħu ħajtu. Huwa importanti ħafna li nitkellmu u nifhmu lil xulxin u mhux nippuntaw jew ngħajru u nfesfsu fuq xulxin.”

F’Gramma se nkunu wkoll qed nisimgħu esperjenzi personali ta’ persuni li għaddew jew għaddejjin mill-problemi tad-drogi u l-konsegwenzi li ġġib magħha.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks