Il-Malta International Airshow, li jsir kull sena f’Settembru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, huwa wieħed mill-akbar avvenimenti li jsiru fuq barra, ta’ Malta.

Dan l-avveniment huwa riżultat ta’ ħidma mill-Malta Aviation Society għal ħafna snin sakemm ingħatat l-approvazzjoni biex issir l-ewwel wirja f’Settembru tal-1993.

Għaddew 25 sena mill-ewwel airshow li sar f’Malta u l-avveniment kiber kemm fin-numru kif ukoll fil-kwalità. Matul is-snin, il-Malta International Airshow ġibed bosta ajruplani interessanti.

Kont taf li….?

Tim ta’ madwar 200 voluntier, li jvarjaw minn persuni tal-parkeġġ u tal-biljetti għal operaturi tar-rampa u operazzjonijiet ġenerali tal-airshow huma nvoluti biex din il-wirja tkun suċċess.

Iktar minn 600 ikla ppakkjata huma prodotti għall-istaff voluntier, l-ekwipaġġ tal-ajru u tal-art matul l-airshow.

L-airshow huwa l-iktar avveniment fotografat f’Malta.

Wara nuqqas ta’ tliet snin, il-Malta International Airshow ta’ din is-sena se ssir bejn għada l-25 u l-Ħadd is-26 ta’ Settembru.

Din is-sena se jkunu qed jipparteċipaw tmien pajjiżi differenti. Minbarra wirjiet statiċi, se jkun hemm ukoll wirjiet fl-ajru, fosthom mir-Red Arrows.

Bħal kull avveniment ieħor, dan se jkun qed isir skont id-direttivi maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, għaldaqstant dawn huma wħud mill-protokolli se jiġu segwiti:

  • Il-biljetti jinbiegħu biss onlajn u l-ebda biljetti mhuma se jkunu qed jinbiegħu fil-bieb.
  • Tfal bejn il-5 u l-11-il sena jitħallew jidħlu biss meta jkunu akkumpanjati minn adult u jippreżentaw test tal-PCR li jkun sar sa 72 siegħa mid-data tad-dħul jew rapid test 24 siegħa mid-data tad-dħul.
  • Se jitħallew jidħlu persuni mlaqqma biss u l-maskri jridu jintlibsu l-ħin kollu.
  • L-identifikazzjoni għandha tiġi ppreżentata mad-dħul.

Wirjiet Statiċi: Mid-9am sas-2pm – L-Ajruport ta’ Ħal Luqa quddiem l-SR Tecnic il-ġdid fi Triq Ħal Farruġ.

Wirjiet fl-ajru: Mit-3pm sas-6:15pm – Mill-Qawra Point għal Pjazza Buġibba.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks