Select Page

Li l-ġenituri jkollhom sieħeb jew sieħba ġdid jaf tkun bidla kbira għat-tfal, daqs kemm hi bidla kbira għal ġenituri. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lit-tfal jidraw il-fatt li il-ġenituri tagħhom għandhom boyfriend jew girlfriend ġdid/ġdida?

L-iktar haġa importanti hi li tevalwa r-relazzjoni l-ġdida tiegħek. Ieqaf u rrifletti. Aħseb jekk din il-persuna hijiex importanti għalik u tixtieq futur magħha, jew għandek relazzjoni iktar każwali u m’hemmx pjanijiet għall-futur. Evalwa jekk din hijiex relazzjoni serja li tajjeb li tintroduċi lit-tfal mal-persuna, jew relazzjoni każwali li m’hemmx għalfejn iddaħħal lit-tfal fiha għalissa. It-tfal jafu jsiru jħobbu l-persuna l-ġdida, allura jafu jweġġgħu jekk filli jarawha kuljum, u filli ma jarawha qatt. Jekk inti ċerta li din relazzjoni każwali, mela forsi aħjar tistenna sakemm tħossok li tara futur ma’ persuna, qabel ma tlaqqa’ lit-tfal ma’ xi ħadd.

Jekk inti ċerta li din il-persuna tixtieq futur magħha, dawn huma xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuk.

  • Tkun idea tajba li l-partner il-ġdid tiegħek ikun preparat għall-fatt li int għandek it-tfal. Kellmu fuq it-tfal tiegħek, għidlu xi jħobbu jagħmlu, x’jogħġobhom, xi jdejjaqhom eċċ. Agħmel minn kollox biex kemm jista’ jkun, l-adult fis-sitwazzjoni, jiġifieri l-partner il-ġdid, ikun preparat għat-tfal tiegħek.
  • Sib ħin opportun fejn it-tfal ikunu kalmi u għidilhom li tixtieq tgħidilhom xi haġa. Kellimhom bil-kalma u jekk jirrabjaw jew jirreżistu, tgħajjatx magħhom. Din hi bidla fil-ħajja tat-tfal.
  • Laqqa’ lill-partner mat-tfal bil-mod. Mhux ideali li mill-ewwel il-persuni l-ġodda jibdew iqattgħu ljieli d-dar. Żomm f’moħħok li din hi bidla kbira għat-tfal. Prepara ruħek għal emozzjonijiet negattivi.
  • Żomm ħin għalik waħdek mat-tfal. Iffoka dejjem fuq il-bżonnijiet tat-tfal u l-attenzjoni tiegħek hi waħda mill-iktar elementi importanti, issa iktar minn qatt qabel.
  • Tisfurzax lit-tfal iqattgħu ħin mal-partner jekk ma jridux. Agħtihom ċans jidraw is-sitwazzjoni ġdida bil-pass taghhom.
  • Importanti ħafna li tintroduċi l-partner bħala l-partner il-ġdid tiegħek mhux il-papà jew il-mamà ġdida tat-tfal. Importanti li tgħidilhom li ħadd mhu ha jieħu post ommhom jew missierhom.
  • Jaf ikun tajjeb li tevita li toqgħod tgħannaq u tbus lill-partner il-ġdid il-ħin kollu quddiem it-tfal. Mhux qed nghid turix imħabba lejn il-partner il-ġdid imma tkun idea tajba jekk għall-bidu speċjalment, noqgħodu attenti ħafna u nkunu sensittivi għall-bżonnijiet tat-tfal.

Sieħeb jew sieħba ġdida fil-ħajja tat-tfal jaf tkun sfida għalik u għat-tfal. Importanti li biex nevitaw li t-tfal iweġġgħu, nieħdu ċerti passi importanti. Importanti li t-tfal ikunu jafu, li jiġri x’jiġri, huma l-prijorità tiegħek.

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks