Mhux minħabba Fior. Miskina, Fior ma kellhiex ħtija. Dak li ġara, żgur ma kienx tort tagħha.
Bħal kull ġurnata oħra, dan il-jum mhux suppost kien partikolari.
Fior kienet qiegħda d-dar, tkewwes fil-kċina. Il-borma minestra li kienet tħobb tippreparali bil-ħaxix frisk kien diġa beda jfuħ. Kellha żaqq kemmxejn ikbar min-normal, minħabba l-fatt li kienet qiegħda tistenna tarbija. It-tarbija li dejjem xtaqna. It-tarbija tagħna.
Ħoss.
Fil-bidu, kull ma semgħet kien donnu ħoss ta’ tħarbix.
Waqfet.
Ittawwlet mill-bieb tal-kċina iżda ma rat xejn.
Tgħid kien xi ġurdien? Tgħid kien xi insett?
Hawn, f’dawn l-inħawi, qrib il-kampanja, dawn l-affarijiet ma kinux insoliti.
Il-ħoss tal-borma tagħli, hi u tħawwad il-ħaxix li kien beda jsir aktar artab u jbiddel ftit il-kulur, donnu għarraq dak il-ħoss ta’ tħarbix li kienet semgħet.
Bla ma tat wisq kas, kompliet issajjar u tkanta minn taħt l-ilsien.
Ħoss ieħor.
Din id-darba waqfet issummata.
Kien aktar qawwi.
Aktar prominenti.
Għal mument, dawwret ħarsitha madwar il-kamra, tfiet il-borma u reġgħet ittawwlet lejn is-salott. Id-dar moderna u mdaqqsa fejn kienu jgħixu, donnha kienet qiegħda taħbilha xi ħaġa.
Fior bdiet tħoss li kien hemm xi ħaġa mhux f’postha.
Kien hemm xi ħaġa mhux f’lokha.
Ħoss ieħor.
Qisu ħoss ta’ xi metall jaħbat ma’ xi ħaġa oħra.
Fior bdiet tħoss id-demm tiela’ għal rasha. Bdiet tisma’ qalbha tħabbat b’ritmu mgħaġġel. Bdiet tibża’.
Tgħid x’kien qed jiġri?
Dak x’kien?
Bla ma kellha ċans taħseb, ratu.
Dell.
Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Avukata u Awtriċi