Glen Vella flimkien mal-kantanti żgħażagħ Gaia, Giada u Jasmine ingħaqdu sabiex flimkien joħolqu verżjoni ġdida tal-kanzunetta Ħarsa Biss li biha Glen rebaħ l-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija. Din il-verżjoni ġiet imnedija llum 26 ta’ Settembru waqt il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi għat-tieni Dar Bjorn.
Ħarsa Biss hija kompożizzjoni ta’ Philip Vella u lirika ta’ Joe Julian Farrugia. L-arranġament vokali għal din il-verżjoni kien f’idejn il-kantant Glen Vella u l-vuċijiet ġew irrekordjati fl-istudjos ta’ Wicked and Loud filwaqt li l-mix u l-arranġament mużikali kienu f’idejn il-kompożitur Philip Vella.
Il-vidjow mużikali ġie miġbud f’Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ, fejn bħalissa qed isir ix-xogħol neċessarju sabiex titlesta u tkun tista’ tibda tilqa’ individwi bil-kundizzjoni tal-ALS.
“Grazzi lil Charles and Ron għall-ilbies, lil Anthony M.Baldacchino għall-kordinazzjoni u lil Tribe taħt id-direzzjoni ta’ Olwyn Jo għall-ġbid tal-vidjow. Grazzi speċjali tmur għal Bjorn u Maria Formosa li għal darb’oħra kellhom il-pjaċir jistednuni biex inkun parti minn dan l-avveniment.” – Glen Vella
