Select Page

L-ansjetà hija kelma li sirna nisimgħu ta’ spiss. Min-naħa huwa tajjeb illi sirna nitkellmu daqshekk fil-miftuħ dwar problemi tas-saħħa bħall-ansjetà. Però jaf li matul iż-żmien affarijiet li jkunu ftit challenging jew tal-biżà nqabbluhom dejjem mal-ansjetà u nispiċċaw nagħmlu d-dijanjosi tal-ansjetà waħedna lilna nfusna.

Tajjeb ukoll li nsemmi li fid-dinja li qed ngħixu llum, wara li ilna sena u nofs ngħixu f’pandemija qed inkunu forsi xi ftit aktar anzjużi u inkwetati mis-soltu dwar affarijiet li qabel ma konniex naħsbuha darbtejn. Hemm tipi differenti ta’ ansjetà fosthom il-famużi li nsemmu bħal attakk ta’ paniku jew phobia fost l-oħrajn. Però hemm tip ta’ ansjetà li rari nitkellmu dwarha għax forsi mhix kbira daqs dawn li semmejt imma hija vera importanti. Qed nirreferi għall-ansjetà relatata mas-saħħa.

Allura x’inhi din l-ansjetà relatata mas-saħħa?

Dan huwa meta wieħed ikun anzjuż jew inkwetat b’mod frekwenti li se taqbdu xi kundizzjoni partikolari. Din tista’ tkun relatata wkoll meta wieħed joqgħod għassa b’mod estrem tal-imġiba ta’ ġismu jew jiffissa fuq uġigħ partikolari li s-soltu jkun hemm dejjem u ma nagħtux kasu. Dawn il-beżgħat iwasslu lill-individwu jiċċekkja u jfittex u jaqra ħafna informazzjoni eżempju minn kotba jew l-internet u joqgħod iqabbel is-sintomi ma’ kundizzjonijiet differenti. Dan jista’ jwassal għal aktar ħsibijiet ta’ ansjetà u ta’ inkwiet li twassal biex is-sintomi tal-ġisem jiggravaw.

Din tista’ tiġi kkawżata minn diversi fatturi bħal wieħed jara ħafna kundizzjonijiet tas-saħħa fin-nies ta’ madwaru u dawk li jħobb allura bla ma trid kull sintomu żgħir jidher ħafna kbir f’għajnejn dak li jkun.

Qatt osservajt lil xi ħadd b’din l-imġiba? Jew forsi inti ġieli għamiltha?

Kif tista’ tgħin lilek innifsek jew persuni oħra li qed jagħmlu dan?

L-ewwel parir hu li jekk hemm xi sintomi, tkellem mat-tabib tiegħek biex tiċċekkja u sserraħ moħħok li ma hemm xejn gravi jew ta’ inkwiet. Sakemm tkun qed tistenna r-riżultat jew l-appuntament, evita kemm jista’ jkun li toqgħod timla rasek billi tfittex l-informazzjoni. Hemm barra teżisti ħafna misinformazzjoni u aktar tispiċċa toqgħod tinkwieta milli sserraħ rasek.

It-tieni parir hu li jekk qed tinnota xi sintomi mhux tas-soltu, ħu nota tagħhom għax jaf ikunu utli għall- konsulenza mat-tabib imma tmurx fl-estrem u tieħu nota ta’ kollox, nifs b’nifs.

It-tielet parir hu biex tinnota l-kuntest, xi jkun qed jiġri mal-madwar u ħajtek eżempju jekk dan l-aħħar qed tħossok taqta’ n-nifs. Ieqaf u aħseb ftit, bħal pereżempju ara li ma tkunx għadek kif tlajt taraġ tiġri jew ġrejt xi ġirja, għax f’mumenti bħal dawn huwa normali li jkollok qtugħ ta’ nifs.

U l-aħħar parir hu biex tibda taħseb dwar xi ħaġa oħra li mhijiex relatata mas-saħħa bħal valuri oħra tal-familja jew kuntentezza, ix-xogħol jew ix-xogħol tad-dar. Dan għaliex aktar ma tiffoka fuq is-saħħa aktar se żżid il-ħsibijiet u aktar se tħossok anzjuż.

Jekk tħoss li l-ansjetà ma tistax tikkontrollaha jew timmaniġġjaha aktar nistiednek tagħmel appuntament ma’ professjonisti tas-saħħa mentali bħal counsellors jew psikologi ħalli jkunu jistgħu jgħinuk tagħraf aktar għaliex qed ikollok dawn il-ħsibijiet u x’tista’ tagħmel biex ittejjeb is-sitwazzjoni.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks