Select Page

Nitkellmu ma’ Maria La Barokka

Maria, wara s-suċċess li ksibt bil-programm Umani, minn għada, l-1 t’Ottubru, kull nhar ta’ Ġimgħa fis-7pm se terġa’ tirritorna bi programm ġdid bl-isem ta’ Kuxjenza, fuq Tvm News Plus. X’se jagħmel il-programm Kuxjenza differenti minn Umani?

Kuxjenza se jkun il-vuċi ta’ min ibati fis-skiet. Simili għal Umani se nsib nies li jkunu għaddejjin minn sfidi, iżda filwaqt li se nsemma’ l-karba tagħhom, se jkolli wkoll nies fil-programm li jiddiskutu dawn il-weġgħat fis-soċjetà, biex inqajmu ‘KUXJENZA’ kif jismu l-programm.

Tista’ tagħtina ħjiel dwar uħud mill-istejjer li se nkunu qed naraw f’Kuxjenza?

L-istejjer se jkunu lkoll umani, u se nagħti widen lil sfidi li mhux dejjem nieħdu gost niddiskutu. Se nagħti wiċċ għal min qatt ma deher ibati, jew forsi naħsbuh li dejjem ferħan meta fil-verità ikun hemm ħafna wġigħ li ma jidhirx. Suġġetti li huma ftit diffiċli li tiddikustihom imma xorta se nagħti spazju għalihom.

X’inhi l-akbar sfida fi programm bħal dan?

L-ikbar uġigħ ta’ ras li ssib nies ġodda, nies li ma jidhrux fuq it-televiżjoni, nies li ma nafuhomx. Dik sfida imma se jirnexxili.

Mill-preparamenti għal dan il-programm u anki mill-esperjenza tiegħek matul is-snin, liema temi soċjali tħoss li l-aktar hemm bżonn li nqajmu kuxjenza dwarhom?

Nixtieq niddiskuti s-sess u l-persuni b’diżabilità, għax ħafna drabi qisna nwarrbu l-fatt li persuni b’diżabilita’ għandhom ħtiġijiet sesswali, u bżonn ta’ relazzjoni intima. Nixtieq niddiskuti iktar fil-fond il-bullying, u għala jseħħ. Irrid ukoll nitkellem dwar il-ġudizzju u kemm dan jagħmel ħsara.

X’messaġġ tixtieq li twassal permezz ta’ dan il-programm?

Bil-programm irrid inqajjem kuxjenza fuq sfidi li naffaċċjaw aħna bħala umani ta’ kuljum, u naħsbu li qegħdin waħidna u għalhekk irrid li bħal f’Umani, nwassal messaġġ ta’ kuraġġ, inwassal informazzjoni u tagħlim, u fuq kollox it-tama.

X’se nkunu qed naraw għada, fl-ewwel programm ta’ Kuxjenza?

Għada l-programm, l-ewwel wieħed, se jiddiskuti s-saħħa mentali, u se jkolli persuna li kienet Monte Karmeli.

Mill-esperjenza tiegħek, x’inhuma r-raġunijiet prinċipali li ħafna jispiċċaw isofru fis-skiet?

Għax ħafna jistħu u jħossuhom umiljati li jgħidu li qegħdin ibatu. Fosthom nies li qegħdin fil-faqar, hemm ħafna ma jitkellmux.

Ritratt: Clint Gerald Attard

Fil-karriera tiegħek iltqajt ma’ diversi persuni u stejjer. Liema kienu tnejn mill-aktar stejjer li ħallew impatt fuqek personali, u għaliex?

Waħda mill-ikbar hija dwar Eddie Bristow, raġel mill-Belt Valletta li huwa għami, trux u mutu. Raġel li minkejja li ma jistax jikkomunika ħlief bil-mossi u ċerti ħsejjes, għandu kuraġġ u mħabba kbira. Dan ir-raġel huwa miżżewweġ, għandu madwar 6 itfal u fuq 30 neputijiet. Storja oħra li messitni ħafna hija dik ta’ Jerome Frendo, li llum ħalliena, imma dan il-ġuvni kellu spirtu qaddis, u nemmen li għad isir qaddis.

Kif taffettwak mentalment, meta tittratta storja li tkun diffiċli u ta’ qsim il-qalb?

Mhix faċli, u jkun hemm drabi fejn naqa’ ħażin ħafna, nibki u ma norqodx. Imma tant nemmen fil-kawża li nibqa’ għaddejja, li nitlob lill-Mulej jagħtini s-saħħa biex inkompli.

Għaddew biss ftit ġimgħat mindu bdejt taqra l-aħbarijiet ta’ filgħaxija. Xi jfisser dan għalik?

Jien ilni xi 20 sena mċaħħda minn din l-opportunità. Ili 27 sena ġurnalista ma’ diversi stazzjonijiet, imma issa fl-aħħar sibt tmexxija fil-PBS li emmnet fija. Naf li ma tħallejtx naqra l-aħbarijiet mhux biss fejn qegħda imma anki fejn kont qabel, għax jien qawwija. Biex tgħaxxaq stazzjon li kont ħdimt miegħu u mhux PBS, kien jagħtini naqra aħbarijiet fejn ma nitħallasx, imma mbagħad aħbarijiet ewlenin ta’ filgħaxija ma tħallejt qatt. Bqajt ngħid li l-aħbarijiet ma taqrahomx b’żaqqek imma bil-mod kif twassal l-aħbar u l-espressjoni tal-wiċċ, il-passjoni li n-nies jifhmu sew mid-dar, u mhux jekk intx qawwija jew le. Fl-aħħar sibt tmexxija li emment u fehmet, u nirringrazzja ħafna lin-nies hemm barra li dejjem tawni appoġġ u ħabbewni.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon li jagħtik xogħlok?

In-nies…in-nies hemm barra, għax in-nies iħossu l-passjoni tiegħek, iħossuk meta qed tweġġa’, meta qed twassal messaġġ pożittiv, meta qed tipprova tqanqal kuxjenza..dak huwa s-sodisfazzjon. Sodisfazzjon ikbar huwa meta nsolvi każijiet umani ta’ nies, permezz tal-istejjer tiegħi, dik nieħu gost ħafna.

X’inhi l-akbar sfida f’ħajtek?

Li ma nħossx….dik sfida, għax xi drabi meta tħoss ħafna tbati ħafna, u jien għax inħoss inbati ħafna, imma mhux se ninbidel.

X’messaġġ tgħaddi lis-segwaċi li dejjem isegwuk u jagħtuk is-sapport tagħhom?

Nirringrazzjahom minn qalbi. Anki permezz ta’ FB, tgħidx kemm jibgħatuli messaġġi ta’ kuraġġ u apprezzjament u ngħidilhom li dawn il-messaġġi jagħtuni l-ħajja…grazzi.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks