Nitkellmu ma’ Ryan u Josmar

Proprju għada jibda’ l-istaġun il-ġdid ta’ Sibtek, li se jkun differenti mis-snin li għaddew. X’se nkunu qed naraw differenti f’din l-iskeda u x’se jibqa’ l-istess?

Ryan u Josmar: Iva, għada niftħu l-istaġun il-ġdid ta’ Sibtek! Din is-sena Sibtek se jkun kompletament differenti, fost ħafna affarijiet se jkollna mużika live, stil ta’ preżentazzjoni pjuttost differenti mis-soltu, ħafna sorpriżi u ħafna u ħafna daħq! Sibtek din is-sena se jibda iktar kmieni, fil-12.15 eżatt wara l-aħbarijiet ta’ nofsinhar fuq TVM.

X’tistgħu tiżvelaw fuq l-istaġun il-ġdid?

Ryan u Josmar: Se tirritorna il-VIP house li tant baqgħu jħobbu n-nies! Nassigurawkom li Sibtek din is-sena se jkun programm verament għall-familja kollha.

Għaliex taħsbu li Sibtek, sena wara sena jkun daqstant segwit? U x’taħsbu li se jħeġġeġ lit-telespettaturi jkomplu jsegwu dan l-istaġun ukoll?

Ryan u Josmar: Li tkun qrib in nies u li tisma’ hija l-iktar ħaġa importanti. Li tevolvi u timxi mal-moda u maż-żmien hija essenzjali għax IVA, aħna nemmnu li anke t-televiżjoni għandu l-moda tiegħu. Din is-sena n-nies se jaraw kemm Sibtek huwa versatili. Biss biss l-ewwel u t-tieni programmi huma totalment differenti minn xulxin.

Bħala xogħol ta’ produzzjoni, kif taħdmuh u tqassmuh bejnietkom? Taqblu fl-ideat li jkollkom?

Ryan u Josmar: Il-produzzjoni nidħlu fiha t-tnejn li aħna u naqblu ħafna però għandna tim ta’ nies kollha etajiet differenti minn 17-il sena sa 60 sena biex żgur inkunu ċerti li nolqtu lill-familja kollha.

Wara dawn is-snin kollha, tkunu eċitati qabel kull programm?

Ryan u Josmar: ĦAFNA ĦAFNA ĦAFNA, friefet kbar għandna bħalissa!!!!

X’inhu l-messaġġ tagħkom għas-segwaċi li se jkunu magħkom f’din l-iskeda wkoll?

Ryan u Josmar: Napprezzaw immens is-sapport u l-imħabba kollha li nirċievu kontinwament mingħandkom. INĦOBBUKOM ĦAFNA! Grazzi mill-qalb talli Sibtek.

Normalment, Ryan u Josmar iħobbu jwasslulna kurżitajiet dwar diversi personalitajiet, imma llum se niskopru ftit dwarhom u r-relazzjoni tagħhom bħala koppja..

Fejn iltqajtu għandna idea, għaliex nassumu li kien proprju Sibtek li laqqagħkom flimkien iżda għidulna l-istorja ta’ meta iddeċidejtu li tieħdu r-relazzjoni tagħkom għal dik ta’ koppja… min għamel l-ewwel pass?

Josmar: Propjament aħna ltqajna qabel Sibtek, fuq proġett tat-televiżjoni ieħor bl-isem ta’ Generation. Kien programm tad-diskussjoni miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ. Ryan kien jippreżenta u jien inkanta dak iż-żmien. Minn hemmhekk bdiet ħbiberija speċjali sakemm wasalna għall-ħajja tagħna flimkien li għandna llum il-ġurnata.

Fejn kienet l-ewwel date uffiċjali?

Ryan: Fuego (illum m’għadux miftuħ sa fejn naf jien) morna nippreżentaw fuq xogħol propja, kienet serata Latina ħelwa ħafna. Imbagħad bqajna hemm!

Kif tiddeskrivu lil xulxin?

Josmar: Ryan huwa nadif immens, iffissat propjament. Lest jasal tard basta ħalla d-dar pinna u kollox pulit u organizzat. Iħobb ħafna x- xogħol u jaħdem ħafna ħafna u minn qalbu.

Ryan: Josmar dejjem jivvinta proġetti ġodda. Ma jibżax minn challenge u riskju jidħol għalih b’għajnejh magħluqa.

Kif jaffettwa r-relazzjoni tagħkom il-fatt li taħdmu flimkien? X’inhuma l-vantaġġi u l-iżvantaġġi?

Ryan u Josmar: Onestament aħna naraw vantaġġi biss. Allaħares ma naħdmux flimkien għax kieku lanqas naraw lil xulxin xi drabi. Ovvjament billi naħdmu flimkien ma jfissirx li l-ħin kollu flimkien. Ix xogħol taghna huwa vast ħafna, minn produzzjoni, editing, sales, u elf ħaġa oħra. We wouldn’t have it any other way.

Kif jirnexxilkom issibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin ta’ kwalità ta’ bejnietkom?

Ryan u Josmar: Ma nsibux fil-verità! Meta nħossuna stressjati, date night. Ikla tajba u flixkun inbid tajjeb hux..

Fuq xiex targumentaw l-aktar? U fuq xiex taqblu l-aktar?

Ryan u Josmar: Nargumentaw fuq l-indafa!!!! Naqblu fuq ix-xogħol!!

Min minnkom iċedi l-ewwel f’argument?

Ryan: Bla dubju Josmar!

X’jogħġobkom l-aktar f’xulxin?

Josmar: Ryan huwa ġentili u għandu qalb tad-deheb.

Ryan: Josmar jaf jieħu gost u pożittiv ħafna!

X’differenza jagħmel Rocco fil-ħajja tagħkom?

Ryan u Josmar: Rocco huwa l-baby tagħna. Il-ġurnata tagħna ddur miegħu wkoll. Naraw li jkollna biżżejjed ħin miegħu. Jekk jista’ jkun naraw li fejn se mmorru jista’ jiġi Rocco. Mhux dejjem possibbli, però fejn possibbli, jiġi.

Liema żmien kien l-aktar ta’ sfida għar-relazzjoni tagħkom?

Ryan u Josmar: Realistikament il-ħajja dejjem toffri xi sfida. Daqqa d-dar, daqqa x-xogħol, daqqa hekk u daqqa hekk. L-importanti li fl-isfidi tingħaqad flimkien għax b’hekk biss tista’ tirbaħ dik l-isfida. Bla dubju fi żminijiet ta’ sfidi kull relazzjoni tissaħħaħ. U aħna mhux b’inqas.

X’kienet l-aktar ħaġa spontanja li għamiltu bħala koppja?

Ryan u Josmar: Darba konna l-ajruport nieħdu kafè u qbadna xtrajna biljett u sifirna dak il-ħin ċum bum! L-ewwel flight kien għal Heathrow u morna hemm! Bla ħsieb u bla bagalji!!

Min minnkom hu l-aktar romantiku?

Ryan: L-ebda! How boring hux, imma ma tantx aħna romantiċi. Però Josmar ftit iktar!!

X’tgħallimtu mingħand xulxin?

Ryan u Josmar: Life is what you make it. Għix pożittiv u ara dejjem is-sabiħ fil-ħajja. Il-maltemp mhux se jibqa’ għal dejjem. Ix-xemx titla’ għal kulħadd!!

X’inhuma l-aspirazzjonijiet tagħkom bħala koppja?

Ryan u Josmar: Ngħixu ħajja sempliċi man-nies li nħobbu viċin tagħna u nkunu kuntenti. Xejn materjali. Xejn isbaħ mis-sempliċità.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks